Faċilitajiet aħjar għas-sajjieda f’Tal-Veċċja

Il-Bord tal-MEPA llum approva xogħlijiet ta’ titjib u tisbiħ fl-inħawi Tal-Veċċja, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.
Ix-xogħlijiet, f’żona ta’ 3,500 metru kwadru, jinkludu l-bini ta’ faċilità għas-sajjieda u s-sidien tad-dgħajjes, żewġ slipways u infrastruttura magħmula minn ġebel kbir biex tipproteġi l-breakwater eżistenti b’mod li l-mewġ jitkisser magħha.
Anke l-breakwater se jitranġa waqt li kamra u tlett slipways li hemm bħalissa se jitneħħew. Il-winch eżistenti se tiċċaqlaq għal post ieħor.
Il-breakwater Tal-Veċċja nbena fis-snin Tletin u jipproteġi d-daħla tal-inħawi min-naħa tax-Xlokk. Dawn l-inħawi huma popolari ma’ sajjieda tal-post li jorbtu d-dgħajjes tagħhom sakemm iħottu l-qabda.