Faċilità ġdida tal-ħatt tal-ħut f’Marsaxlokk

F’Marsaxlokk ġiet inawgurata faċilità tal-ħatt tal-ħut f’Marsaxlokk b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro.

Din il-faċilità ġie inawgurata mill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Dan il-proġett kien tħabbar fil-baġit tal-2017 u kien ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Dan huwa wieħed minn serje ta’ proġetti fosthom l-bini ta’ pixkerija ġdida fil-Marsa, promozzjoni għall-konsum tal-ħut frisk u sostenibbli permezz ta’ kampanji edukattivi u titjib fil-portijiet awtorizzati għal-ħatt tal-ħut tal-Marsa, San Pawl il-Baħar, Wied il-Għajn u Marsaxlokk.

Waqt l-inawgurazzjoni l-Ministru Refalo qal li, “Dawn il-proġetti se jkomplu jikkontribwixxu b’mod dirett fit-tisħiħ tal-operat tad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura, kif ukoll isaħħaħ is-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd sabiex ikunu jistgħu jibbenifikaw minnu mhux biss il-ġenerazzjoni kurrenti, imma wkoll dawk futuri.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan mhux l-ewwel proġett li ġie ffinanzjat b’fondi Ewropej u dan jikkumplimenta proġett ieħor li diġà sar ta’ tkabbir tal-moll ta’ Marsaxlokk sabiex issa jista’ jakkomoda aktar bastimenti tas-sajd.

Din il-faċilità mistennija ttejjeb il-ħidma tal-Uffiċjali għall-Protezzjoni tas-Sajd sabiex jassiguraw li ħut li nqabad illegalment ma jitniżżilx u jinbigħ Malta.