Facial recognition: Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Dejta ma ġiex ikkonsultat

Newsbook.com.mt huwa infurmat illi qabel ma l-Gvern ħabbar li se tibda tintuża fuq bażi sperimentali sistema ta’ facial recognition f’Paceville, il-Gvern ma kienx ikkonsulta mal-Kummissjarju tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni u tad-Dejta, Saviour Cachia.
L-uffiċċju li jmexxi Cachia huwa responsabbli li jara li jiġu osservati l-liġijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tal-privatezza ta’ kull individwu waqt li jiffaċilita wkoll l-aċċess għall-informazzjoni li li jżommu l-awtoritajiet biex b’hekk il-Gvern jinżamm accountable.
Nies fil-qasam legali li tkelmu ma’ Newsbook.com.mt qalulna li dan kien nuqqas serju. Huma semmew li wara li l-Gvern, permezz ta' Joseph Cuschieri, mill-kumpanija Safe City Malta u Ċermen Eżekuttiv tal-Malta Gaming Authority, ħabbar l-iskema saru protesti minn individwi u għaqdiet. Is-sorsi tagħna qalulna li kien jidher ċar li l-Gvern ma kienx qies l-implikazzjonijiet legali kollha qabel xandar il-proġett u li issa l-Gvern qiegħed jikkunsidra l-proposti tiegħu u jikkonsulta dwarhom.
L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Liġi dwar it-Teknoloġija tal-Informatika (MITLA) qalet li l-ipproċessar ta’ informazzjoni minn kameras tas-sigurtà li jagħrfu l-uċuħ jirrekjedi bdil fil-liġijiet. Sostniet li l-ipproċessar ta’ informazzjoni bijometrika minn awtoritajiet kompetenti għandha tingħata permess biss meta jkun hemm in-neċessità stretta li dan isir. Żiedet tgħid li hemm bżonn ukoll salvagwardji adegwati.
Is-sistema ta’ facial recognition tikkonsisti filli kameras ikunu stallati f’postijiet differenti u li b’soft ware apposta jkunu jistgħu jagħarfu nies li jinqabdu mill-kameras.
Kien Cuschieri li ħabbar dan il-proġett għal Paceville. Huwa kien qal li dan il-proġett se jsir flimkien mal-kumpanija Ċiniża Huawei. Meta ħabbar il-proġett Cuschieri kien qal li bħalissa qed isir xogħol fuq l-aspetti tekniċi preparatorji iżda ma semma xejn dwar xogħol fuq liġijiet li jridu jinbidlu biex dak  li jsir ikun legali.