Facebook jipprojbixxi kontenut li jiċħad l-Olokawst

Michel Zacharz

Facebook ħabbar li se jaġġorna l-politika tiegħhu dwar diskors ta’ mibgħeda fuq l-Internet biex jipprojbixxi kontenut li jiċħad jew jagħti verżjonijiet oħra tal-Olokawst.

Din id-deċiżjoni ttieħdet sentejn wara li l-Kap Eżekuttiv ta’ Facebook Mark Zuckerberg sostna f’intervista fl-2018 mal-websajt Recode li kien jemmen li minkejja li ċ-ċaħda tal-Olokawst kienet xi ħaġa mill-aktar offensiva, ma kienx jaħseb li Facebook kellu jħassar dak il-kontenut.

F’post fuq l-istess pjattaforma soċjali, Zuckerberg, li huwa Lhudi, spjega: “Fiha hemm tensjoni kbira, bejn il-ħtieġa li niġġieled għal-libertà tal-espressjoni u l-ħsara li ssir meta xi ħadd jiċħad jew jipprova jnaqqas l-orrur tal-Olokawst”.

“Il-ħsieb tiegħi evolva hekk kif rajt data li turi żieda fi vjolenza anti-Semitika, u għalhekk kien hemm bżonn ta’ bidliet fil-politika tagħna dwar id-diskors ta’ mibgħeda”.

Il-kumpanija qalet ukoll li aktar tard din is-sena, se tibda tiddirezzjona persuni li jfittxu termini marbuta mal-Olokawst jew iċ-ċaħda tiegħu lejn informazzjoni kredibbli barra minn Facebook.

Għaqdiet internazzjonali li jirrappreżentaw lill-komunitajiet Lhud fl-Amerika u fil-bqija tad-dinja faħħru din id-deċiżjoni.

“Għal diversi snin, il-Kungress Dinji tal-Lhud appella biex Facebook tneħħi kontenut li jiċħad l-Olokawst minn din il-pjattaforma”, sostna dan il-grupp fi stqarrija.