Facebook tammetti li l-impjegati kellhom aċċess għal miljuni ta’ passwords

Il-kumpanija Facebook qiegħda twissi lil miljuni ta’ utenti tagħha li hi kienet iżżomm il-passwords tagħhom bħala kitba normali, u b’hekk, poġġiet is-sigurtà ta’ ħafna kontijiet fuq Facebook f’periklu.

Il-passwords normalment jinżammu f’format li ma jinqarax, iżda s-sit soċjali Facebook ammetta li mijiet ta’ miljuni ta’ utenti ta’ Facebook Lite, għexieren ta’ miljuni ta’ utenti ta’ Facebook u eluf ta’ utenti ta’ Instagram jaf ġew affettwati minn dan l-iżball tal-kumpanija.

Skont Brian Krebs, l-espert tas-sigurtà online, il-passwords setgħu jinstabu minn eluf mill-ħaddiema ta’ Facebook, f’xi każijiet anke passwords tal-2012 setgħu jsibu.

Il-kumpanija qalet li mill-investigazzjonijiet li huma għaddejjin, s’issa m’hemmx indikazzjoni ta’ impjegati li abbużaw mill-aċċess għal din l-informazzjoni. Madankollu, sors qal lil Krebs li minn informazzjoni li kisbet il-kumpanija, mal-elfejn inġinier jew żviluppatur tas-software, fittxu madwar 9 miljun darba għal informazzjoni li fiha kien hemm il-password b’mod mhux sigur.