Facebook se jkollu bord b’iżjed poter minn Zuckerberg

facebook app

Read in English.

Facebook żvela l-pjan tiegħu biex ikollu Bord ta’ Sorveljanza li jieħu deċiżjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tas-sit tal-midja soċjali. Skont il-fundatur u Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, il-bord se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet b’mod independenti.

Mark Zuckerberg qal li d-deċiżjoni ta’ dan il-bord se tkun tal-aħħar, anka jekk hu jew xiħadd ieħor li jaħdem miegħu ma jaqblux magħha. Qal ukoll li l-bord se jkun qed jispjega d-deċiżjonijiet b’mod ċar.

Esperti qed jiddubitaw l-indipendenza tal-bord, u l-motivazzjoni ta’ wara din id-deċiżjoni. Espert fl-Oxford Internet Institute, ikkwotat f’artiklu tal-BBC, qal li l-unika vot li veru jgħodd huwa dak tal-azzjonist b’maġġoranża. Dan jiġi Zuckerberg.

Facebook qal li l-bord se jkun qed jisma’ l-ewwel każijiet fl-2020. Il-bord għandu jkun magħmul minn 40 persuna minn madwar id-dinja, imma għalissa se jitħaddmu 11-il persuna fuq bażi part-time. Facebook se jkun qed jiżvela isimhom pubblikament.