Facebook se jibda jikxef min ħallas għar-riklami politiċi

Il-pjattaforma popolari ta’ midja soċjali Facebook ħabbar miżuri li permezz tagħhom riklamar politiku se jibda jiġi akkumpanjat flimkien ma’ dikjarazzjoni dwar min ikun ħallas dak ir-riklamar.
Din id-deċiżjoni min-naħa ta’ Facebook tiġi fl-isfond ta’ żviluppi politiċi fl-Istati Uniti fejn hemm allegazzjonijiet li gruppi b’appoġġ mir-Russja intervjenew fl-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti.
“Meta tiġi għar-riklamar fuq Facebook, il-poplu għandu dritt ikun jaf min qiegħed jagħmel ir-riklam u x’riklami qiegħed jagħmel, speċjalment riklami politiċi” kiteb Rob Goldman, Viċi-President fil-kumpanija Facebook.
Id-deċiżjoni mill-kumpanija Facebook tiġi wkoll fl-isfond ta’ deċiżjoni simili mill-kumpanija li tmexxi Twitter. Fil-każ ta’ Twitter ir-rabta mal-kontroversja tal-elezzjoni Presidenzjali Amerikana kienet aktar ovvja hekk kif fl-istess deċiżjoni Twitter projbixxit żewġ stazzjonijiet Russi milli jagħmlu riklamar fuq Twitter.
Huwa mistenni li d-deċiżjoni ta’ Facebook u Twitter ikollha effett internazzjonalment u ma tkunx deċiżjoni li tapplika biss fix-xenarju ta’ l-Istati Uniti.