Facebook se jgħaddi informazzjoni dwar hate speech lill-Qorti Franċiża

FILE PHOTO: Facebook logo is seen at a start-up companies gathering at Paris' Station F in Paris, France, January 17, 2017. REUTERS/Philippe Wojazer

Għall-ewwel darba fl-istorja, Facebook qablet li tagħti informazzjoni li tidentifika utenti Franċiżi li huma suspettati bi kliem ta’ mibgħeda fuq l-istess pjattaforma lill-Qorti. Dan qalu l-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Diġitali Cedric O.

Din id-deċiżjoni ta’ Facebook ġiet wara numru ta’ laqgħat bejn Zuckerberg u Macron, li jrid ikun wieħed mill-persuni ewlenin li jmexxi r-regolarizzazzjoni tad-diskors ta’ mibgħeda u t-tixrid ta’ informazzjoni falza online. Sa issa, Facebook ikoopera mal-Qrati Franċiżi fuq każijiet relatati ma’ terroriżmu u atti vjolenti billi trasferixxa l-IP addresses u informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni ta’ individwi li jkunu qed jiġu suspettati lill-Imħallfin li jkunu talbuha b’mod formali.

Wara laqgħa li saret bejn Nick Clegg, il-Head of Global Affairs ta’ Facebook u l-Ministru O l-ġimgħa l-oħra, Facebook estenda l-kooperazzjoni tiegħu għad-diskors ta’ mibgħeda.

Facebook irrifjuta li jagħti l-kummenti tiegħu lil Reuters.