Facebook: Missjoni ġdida f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw

Mark Zuckerberg, il-fundatur ta’ Facebook, nieda Internet.org bil-għan li tgħin pajjiżi li għadhom qegħdin qed jiżviluppaw ikollhom aċċess għall-internet.

Il-proġett li se jkun qed isir b’kollaborazzjoni ma' Ericsson, MediaTek, Nokia, Opera, Qualcomm u Samsung se jkollu l-mira li jagħti aċċess lil ħames biljun persuna u jgħinhom ikunu parti mill-komunità tal-internet.

Il-grupp ġie kkwotat jgħid illi huma biss 2.7 biljun persuna, terz tal-popolazzjoni dinjija għandhom aċċess għall-internet. Fis-sena hu kkalkulat li dan jiżdied b’9%, li mhux biżżejjed.

Waqt it-tnedija, Mark Zuckerberg qal li l-mira ewlenija ta’ dan il-proġett se tkun illi jingħata aċċess lil dawk illi bħalissa m’għandhomx aċċess għall-internet minħabba problemi ekonomiċi.

Min-naħa l-oħra esperti qed jgħidu, illi pajjiżi bi problemi ta’ żvilupp għandhom prijoritajiet oħra. Dr. Michael Jennings, chairperson tal-fakultà tal-Istudji dwar l-Afrika, f’Soas, fl-Università ta’ Londra, qal illi minkejja li jilqa’ dan il-proġett, jenfasizza li l-prijorità għandha tingħata lil affarijiet iktar essenzjali bħall-elettriku li hu bżonnjuż biex tixgħel l-apparat meħtieġ biex tuża l-internet.

Fil-jiem li għaddew, studju żvela li tfajliet li jużaw il-Facebook b’mod regolari għandhom ċans ikbar li jbatu mid-depressjoni u stima baxxa tagħhom infushom.