Facebook jiżvela regoli sigrieti

Ilbieraħ Facebook żvela l-ktieb bir-regoli sigrieti li fihom kriterji ta’ liema informazzjoni titħalla fuq Facebook u liema tiġi ċċensurata mill-kumpanija. B’dan il-pass, wieħed jista’ jara b’mod aktar ċar dak li hu permess fuq Facebook inkluż suġġetti bħad-drogi, bullying, sess, hate speech u vjolenza.

Għal snin twal, Facebook kien juża dawk li jsejjħilhom “standards tal-komunità” li kienu jiddettaw dak li wieħed jista’ jitfa’ fuq Facebook. Iżda wieħed seta’ jaċċessa biss il-verżjoni l-qasira tagħhom, filwaqt li l-kumpanija kellha verżjoni aktar dettaljata sabiex tiddeċiedi meta għandha tħassar xi post jew inkella xi profil ta’ Facebook.

X’jgħidu r-regoli sigrieti?

Il-verżjoni t-twil tar-regoli ta’ Facebook għandha madwar 8,000 kelma u tkopri numru kbir ta’ informazzjoni li għandha tiġi ċċensurata minn Facebook, filwaqt li jispjega kull kategorija fid-dettall.

Isemmu kif filmati ta’ persuni midruba minħabba kannibaliżmu mhumiex permessi. Għaldaqstant jekk qed jintuża l-filmat biex jeduka minn aspett mediċinali jista’ jitħalla fuq is-sit biss jekk il-filmat jinforma lill-utent li hemm stampi li jistgħu joħolqu sens ta’ skonfort f’min jarahom.

Facebook għamilha ċara wkoll li ma jħallix persuni jirriklamaw u jbigħu prodotti mediċinali, kannabis u armi tan-nar permezz ta’ Facebook. Iżda skont id-dokument, wieħed jista’ jitkellem dwarhom mingħajr ma jiġi ċċensurat. Madanakollu, id-dokument jitlob li persuni li jagħmlu użu minn xi drogi mhux mediċinali, m’għandhomx jiżvelaw dan fuq Facebook.

Id-dokument jidħol fid-dettall fuq fastidju u bbuljar, fejn jekk wieħed jagħti fastidju lil minuri onlajn jiġi ċċensurat. Facebook jiċċensura wkoll informazzjoni ġejja minn sorsi li jkunu ġew iħħekjati, ħlief f’każijiet li jkunu importanti għall-aħbarijiet.

Jekk xi gvern ikun jixtieq ineħħi xi tip ta’ materjal ta’ xi persuni minn fuq Facebook li skontu jmorru kontra xi liġi tal-lokal, ikun irid jibgħat talba bil-miktub li mbagħad tiġi riveduta mit-tim legali ta’ Facebook, li jista’ jwassal il-materjal li jiġi moħbi lokalment iżda jibqa’ aċċessibli għall-bqija tad-dinja.

Jekk tixtieq taqra dan id-dokument tista ssibu fuq Facebook.

Kif ikunu jafu xi tfajt inti fuq Facebook?

Facebook tuża kemm software awtomatizzat, kif ukoll mas-7,500 persuna li jieħdu ħsieb li jħassru kull tip ta’ kitba, ritratti jew filmati li jmorru kontra r-regoli.

X’ġara dan l-aħħar?

Fl-aħħar ġimgħat, Facebook ġie kkritikat bl-aħrax minn gvernijiet u attivisti madwar id-dinja għax sostnew li ma kienx qed jagħmel biżżejjed biex iwaqqaf il-hate speech u biex jeradika l-opportunità li s-sit jintuża biex jippromwovi atti ta’ terroriżmu, vjolenza, qtil u suwiċidji.

Facebook qed jiġi akkużat ukoll li qed jagħmel xogħol reġimi ripressivi billi jneħħi b’mod aggressiv il-materjal tagħhom kontra gvernijiet. Filwaqt li bosta drabi ma tingħatax aġuni valida għalfejn ċertu materjal jitneħħa jew profil jitħassar minn fu Facebook.

Regoli ġodda se jkunu qed jagħtu ċ-ċans lill-persuni affetwati biex jappellaw id-deċiżjoni ta’ Facebook jekk titneħħa xi post minn tagħhom. Qabel wieħed seta’ jappella biss jekk jitħassarlu l-profil, il-grupp jew il-paġna tiegħu.

Facebook se jkun qed jipprovdi wkoll raġuni għalfejn xi tip ta’ materjal jitneħħa għal numru kbir ta’ każijiet.