Facebook jitlef 20% fil-valur

REUTERS/Dado Ruvic

Il-valur ta’ Facebook niżel b’20% din il-ġimgħa wara li l-kumpanija ma laħqitx ir-riżultati mistennija f’dak li huwa dħul għall-ewwel darba fl-2015. Sa qabel dan it-tnaqqis, Facebook kienet fl-għola livell qatt reġistrat. Iżda wara r-riżultati diżappuntanti għat-tieni kwart tas-sena, l-ishma niżlu b’aktar minn 20%, li jfisser valur ta’ 140 biljun.

Biex wieħed jitfa’ dan ir-riżultat f’perspettiva, il-kumpanija xorta għadha tikber b’mod fenomenali, bid-differenza li s-suq qed jindika tkabbir ta’ 30% flok 40%, diskrepanza li f’kumpanija kbira tant tfisser biljuni kbar ta’ dollari.

Facebook irrifjutat l-argument li dan it-tnaqqis kien marbut mat-tixrid ta’ informazzjoni fl-iskandlu ta’ Cambridge Analytica, il-kumpanija ta’ analiżi tad-data li ħadmet għal kampanja elettorali ta’ Trump. Skont il-kumpanija, il-fatturi kienu primarjament bidliet fir-rati tal-kambju, tipi ġodda ta’ reklamar li l-utenti għadhom ma drawx, kif ukoll tnaqqis żgħir fl-użu wara l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda dwar l-użu tad-dejta b’mod partikolari fl-Ewropa. Filfatt, wara l-introduzzjoni tad-direttiva dwar il-privatezza tad-data (GDPR), madwar 3 miljun utent fl-Ewropa ma baqgħux jużaw Facebook b’mod attiv.

Iżda tħassib ieħor għall-investituri huwa li jista’ jkun li din il-media soċjali issa laħqet il-massimu ta’ kemm tista’ tirreklama.  Min-naħa tagħha l-kumpanija qed targumenta li dan mhux minnu, anzi ssostni li għad hemm potenzjal ta’ aktar dħul hekk kif jiġu żviluppati setturi tal-pjattaforma soċjali li s’sissa ftit jintużaw għar-riklami bħal Stories.

Il-Venezwela tneħħi ħames żero mill-munita

Il-Venezwela ħa tneħħi ħames żero mill-munita tagħha, il-bolivar, flok tlieta, kif oriġinarjament ippjana. Dan bl-għan li jitrażżan l-għoli fenomenali tal-ħajja li din is-sena mistenni jlaħħaq il-miljun fil-mija: iva, 1,000,000%! L-ekonomija tal-pajjiż tinstab f’xifer kollass totali wara li t-tnaqqis fl-aħħar snin fil-prezz taż-żejt ma pppermettilix tmantni s-sistema ekonomika soċjalista li għal snin provdiet sussidji qawwija filwaqt li nfurzat kontroll fuq il-prezzijiet.

Sa Ġunju, l-inflazzjoni kienet diġà fil-livell ta’ 46,000%, iżda l-Fond Monetarju Internazzjonali qed jikkalkula li din se tlaħħaq is-seba’ numri sal-aħħar tas-sena, kriżi fuq il-livell ta’ dik taż-Żimbabwe fil-bidu tas-snin Elfejn. F’inizjattivi ġodda, il-Gvern Veneżwelan ħabbar it-tnedija ta’ munita virtwali ġdida, bl-isem ta’ pedro, iżda ma tax wisq dettalji dwarha. Madankollu, esperti tat-teknoloġija finanzjarja qalu li l-petro m’għandhiex wisq kredbilità minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja fil-Gvern tal-President Maduro kif ukoll minħabba l-ġestjoni ħażina tal-munita nazzjonali eżistenti.

Minħabba l-inflazzjoni qawwija, l-aċċess għal flus kontanti sar kważi impossibbli. Fil-Veneżwela, il-paga mimima hi ekwivalenti għal madwar dollaru fix-xahar, li ħalliet lil miljuni taċ-ċittadini ma jistgħux jixtru ikel u mediċini bażiċi. Bosta persuni qed ifittxu li jitilqu mill-pajjiż.

Il-President Madro ħabbar ukoll li se jibdel il-liġi biex jiffaċilita d-dħul ta’ investimenti minn barra filwaqt li kien se jittrasferixxi l-konċessjoni ta’ blokka importanti ta’ produzzjoni taż-żejt lill-Bank Ċentrali, bl-għan li jissaħħu r-riservi internazzjonali tiegħu.

Shell tixtri lura 25 biljun dollaru f’ishma

Royal Dutch Shell ħabbret li kienet se tixtri sa 25 biljun dollaru f’ishma lura minkejja li ħabbret ukoll żieda anqas milli kien mistenni fil-profitti tagħha. Il-programm ta’ xiri ta’ ishma, li ilu mwiegħed sentejn wara li Shell kienet xtrat il-Grupp BG, huwa xhieda tal-prestazzjoni tajba tal-kumpanija tal-enerġija minkejja li s-suq għadda minn perjodu xejn faċli.

Il-kumpanija se tkun qed tixtri lura madwar 2 biljun dollai f’ishma kull tliet xhur, minn issa sal-2020. Madankollu, dan se jiddependi miċ-ċaqliq fil-prezzijiet taż-żejt u fis-suċċess tal-kumpanija li tkompli tnaqqas id-dejn.

Fit-tieni kwart tas-sena, il-kumpanija rreġistrat dħul ta’ 4.7 biljun dollaru, żieda mit-3.6 biljun irreġistrat fl-istess kwart is-sena li għaddiet, iżda ftit anqas minn tbassir ta’ madwar 5.9 biljun. Dan wassal biex l-ishma naqsu b’1.6%.

Sa mill-kollass tal-prezz taż-żejt fl-2014, il-kumpanija iffukat fuq il-bejgħ ta’ assi, tnaqqis tad-dejn u titjib fir-returns lill-azzjonisti. Hija żammet strateġija dixxiplinata fuq in-nefqa kapitali anke meta reġgħu bdew jiżdiedu l-prezzijiet.

B’mod ġenerali, il-kumpaniji ewlenin kollha fil-qasam tal-enerġija rreġistraw profitti tajbin, hekk kif iż-żejt jinsab fl-ogħla livell mill-2014. Total (Franza) u Equinor (Norveġja) rreġistraw żieda ta’ aktar minn 40% fid-dħul.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment