Facebook jista’ jiġi ordnat ineħħi materjal illegali

Read in English.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-Qrati tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitolbu lil Facebook biex tagħmel monitoraġġ jew tneħħi materjal illegali.

F’deċiżjoni li ħarġet aktar kmieni llum, l-għola Qorti fl-Unjoni Ewropea ddeċidiet li m’hemm xejn iżomm milli Facebook tirċievi mandati ta’ tfittxija jew li tneħħi materjal li jkun ġie ddikjarat illegali.

Fis-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, ma tistax iżżomm Qorti ta’ Stat Membru milli tordna lil kumpaniji bħal Facebook biex ineħħu informazzjoni li tkun maħżuna għandhom. Il-Qorti ordnat ukoll li l-aċċess għal dik l-informazzjoni ma jistax ikun imwaqqaf, irrispettivament minn min talab dik l-informazzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet mitlub tintervjeni f’każ li kien referut lilha mill-Qorti Suprema tal-Awstrija, każ li kien infetaħ mill-kap tal-Partit tal-Ħodor Eva Glawischnig-Piesczek. Hija kienet fetħet il-każ kontra Facebook għaliex talbet li l-pjattaforma tal-midja soċjali tneħħi posts defamatorji kontriha mingħand persuna li xeħet il-kontenut l-ewwel darba u mingħand min kien ixxerja l-istess materjal.

Il-Qorti ordnat ukoll li t-tfittxijiet u t-tħassir tal-kontenut jista’ jsir fl-Unjoni Ewropea u anki fid-dinja kollha jekk il-Qrati nazzjonali jitolbu dan.