Facebook jintuża inqas minn qatt qabel

In-numru ta’ sigħat li n-nies jużaw Facebook naqas drastikament hekk kif is-sit tal-midja soċjali qed jintuża mal-50 miljun siegħa inqas kuljum.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Facebook Mark Zuckerberg qal dan filwaqt li ħabbar qligħ kbir fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra.
F’messaġġ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook Zuckerberg saħaq li fl-2018 il-kumpanija se tkun qed tissielet sabiex Facebook ma jibqax biss sit fejn wieħed jieħu pjaċir u jgħaddi ż-żmien. Qal li jrid jassigura li s-sit ikun ta’ benefiċċju għal dawk kollha li jagħmlu użu minnhu.
Irrimarka li t-tibdil li sar fl-aħħar kwart tal-2017 kien tibdil li se jwassal lil Facebook biex isir post fejn wieħed jagħmel konnessjonijiet li jkollhom tifsira.
It-tibdiliet li saru kienu jinkludu t-tnaqqis tal-ammont ta’ filmati li jidhru fuq Facebook.
Għaldaqstant, bosta nvestituri bdew ifittxu biex ibigħu l-ishma tagħhom malli semgħu bl-aħbar. Però intervent immedjat mill-eżekuttivi ta’ Facebook reġa’ kiseb l-fiduċja tagħhom.
L-aħbar ta’ Zuckerberg juri s-sitwazzjoni diffiċli li għaddejja minnha Facebook hekk kif din in-netwerk soċjali rċeviet kritika minħabba li ħafna użawha sabiex ixerrdu informazzjoni falza kif ukoll propoganda.
Għal tul ta’ żmien, Facebook kien qed jiġi kkritikata wkoll minħabba li kienet qed tagħti bosta inċentivi sabiex in-nies jużaw is-sit iktar. Dan filwaqt li kritiċi oħra qalu li siti bħal Facebook jistgħu jsiru vizzju għal bosta.
Ara l-messaġġ sħiħ li ħalla Zuckerberg hawn taħt: