Facebook jibda jittestja funzjoni ġdida għall-aħbarijiet

Facebook beda jittestja spazju ġdid għall-aħbarijiet fuq l-app tal-mobile b’isem ta’ Facebook News. Din hija aċċessibbli għal madwar 100,000 persuna fl-Istati Uniti u fiha hemm aċċessibbli artikli minn ġurnali kbar bħal The Wall Street Journal, USA Today u BuzzFeed.

Skont ġurnali internazzjonali, Facebook saħansitra qed iħallas lil xi ġurnali li qed jaqsmu l-kontenut tagħhom mal-app. Dan ifisser li hekk, l-industrija tal-media jaf ikollha qasam ieħor minn fejn tista’ tagħmel il-flus.

Facebook News se jkun immexxi minn tim ta’ edituri, simili għall-mod kif taħdem il-kumpanija Apple. Meta wieħed jaċċessa din il-parti tal-app, se jsib sezzjoni bl-isem ‘Today’s Stories’ li se tkun tinkludi l-istejjer ewlenin tal-jum. It-tab hija wkoll personalizzata bbażata fuq dak li l-persuna individwali ġeneralment taqra u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tirrifletti l-gosti tal-persuna partikolari.

Wieħed jista’ wkoll jippersonalizza t-tab billi juża’ l-kontrolli li jaħbu l-pubblikaturi, artikli u suġġetti li wieħed mhux interessat jara.