Facebook jerġa’ juri paġni Kattoliċi li tneħħew bi żball

Paġni Kattoliċi fuq Facebook tpoġġew lura fi żmien 24 siegħa wara li saru lmenti li kienu sparixxew.
Wieħed u għoxrin paġna Kattolika bbażati fil-Brażil, fosthom il-paġna Papa Francisco Brazil kif ukoll erba’ paġni bl-Ingliż, ma setgħux jippublikaw kontenut nhar it-Tlieta, wara li Facebook neħħa l-paġni bla avviż.
Miljuni ta’ persuni li jsegwu dawn il-paġni ġew affetwati, skont is-sit ChurchPOP.
Kelliem għal Facebook qal li l-paġni kollha reġgħu qed jaħdmu b’mod normali. Talab skuża u qal li dan seħħ b’mod aċċidentali permezz ta’ sistema li tagħraf meta jitpoġġa materjal falz.
Fost il-paġni milquta kien hemm Fr Francis Hoffman, id-direttur ta’ Relevant Radio, magħruf bħala “Fr Rocky” li għandu 3.95 miljun like minn persuni li jsegwuh fuq Facebook minn madwar id-dinja.
Fr Rocky jxandar il-quddiesa live fuq Facebook, minbarra li jpoġġi talb, ritratti u filmati edukattivi.
Il-paġna Catholic and Proud, li għandha iktar minn 6 miljun persuna ssegwiha, qalet li l-paġna sparixxiet bla ebda avviż u ġew infurmati li ma kienux qed jimxu mar-regoli ta’ Facebook.
F’Mejju tas-sena li għaddiet, Gizmodo, sit dwar it-teknoloġija u l-politika ppublika artiklu li akkuża lil Facebook li jiċċensura materjal li jkun konservattiv. Il-viċi President ta’ Facebook Tom Stocky qal li dawn ir-rapporti jittieħdu b’serjetà u ma hemmx provi li dawn l-allegazzjonijiet huma vera.