Facebook iħabbar miżuri ġodda kontra ‘revenge porn’

Facebook ħabbar li se jieħu azzjoni biex jippreveni t-tixrid ta’ filmati u ritratti ta’ revenge porn fuq il-midja soċjali.
Il-kumpanija qalet li se tieħu l-passi neċessarji biex filmati u ritratti intimi ta’ terzi persuni li jitilgħu u jixxandru fuq l-internet mingħajr il-permess tagħhom ma jkunux jistgħu jixxandru aktar ġaladarba dawn jitħassru.
Din il-miżura se tidħol fis-seħħ fuq Facebook, Messenger u Instagram, fejn s’issa jekk xi ħadd jirċievi filmat li jkun tħassar xorta jkun jista jaċċessah fl-arkivji tal-messaġġi li jkun irċieva.
Facebook qal ukoll li din il-miżura se sservi biex jekk xi ħadd jerġa’ jtella’ filmat ta’ dan it-tip li jkun tħassar se jkun irrapurtat.
Whatsapp għalissa mhux se jkun affetwat b’din il-miżura.
Diversi attivisti kontra dak li hu magħruf bħala revenge porn laqgħu din il-miżura u qalu li hi pass kbir ‘il quddiem.
Permezz ta’ din il-miżura Facebook mhux se jkun qed jgħasses materjal ta’ revenge porn minn jeddu, imma se jkun qed jiddependi min-nies li  jirrapurtaw fuq is-sit soċjali.
Jekk filmat jiġi rappurtat, it-tim tal-operazzjonijiet ta’ Facebook jiġġudika jekk il-posts konċernati jikkwalifikawx bħala pornografija billi jikkunsidra jekk ikunx hemm attività sesswali, iċ-ċirkustanzi li fihom tkun ippublikata l-post u skont ir-rapport li jsir fuq is-sit.
Din is-sistema hi simili għal dik eżistenti li Facebook juża biex jitraċċa lil dawk li jabbużaw lit-tfal fuq is-siti soċjali tiegħu.
Għalkemm din il-miżura se ssir minn Facebook b’mod indipendenti, se taffetwa b’mod partikolari l-filmat li xxandar riċentament f’Malta li juri żewġ persuni jwettqu att sesswali f’karozza, fosthom tfajla impjegata mal-kumpanija.