Facebook b’regoli aktar stretti għar-riklami politiċi dwar l-elezzjonijiet Ewropej

FILE PHOTO: A 3D printed Facebook logo is placed on broken glass above a printed EU flag in this illustration taken January 28, 2019. REUTERS/Dado Ruvic/Illustration

Facebook qed ikun iktar strett fir-regoli tiegħu fejn jidħol reklamar politiku fl-Unjoni Ewropea. Skont Reuters dan wara pressjoni mill-Unjoni Ewropea sabiex Facebook jaħdem aktar biex jassigura li ma jkun hemm l-ebda tbabis minn pajjiżi esterni fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej.

Facebook ilu jiġi kkritikat minn meta r-Russja uża l-midja soċjali sabiex jinfluwenza polls li wasslu sabiex jirbaħ l-elezzjonijiet ġenerali tal-Istati Uniti l-President kurrenti Donald Trump. Intant Facebook sostna li qed jagħmel l-għalmu tiegħu filwaqt li għandu riżorsi u ħaddiema apposta li qed jassiguraw li ma jkunx hemm indħil mhux mixtieq fis-27 Stat Membru fis-26 ta’ Mejju.

Kull riklam tal-Elezzjonijiet Ewropej se jkunu qed jiġu mmarkati bħala “paid for”, jiġifieri imħallsin, filwaqt li se joffru informazzjoni dwar min qed iħallas għalih, kemm ħallas, u kemm persuni rawh. Se tinżamm ukoll statistika tal-età, il-post u l-ġeneru tal-persuni li raw ir-riklam.

Skont Facebook, ir-reklami jridu jkunu ħerġin mill-istess pajjiż ta’ rappreżentanza. Intant, ir-riklami se jitpoġġew ukoll f’arkivju li se jagħti ċans lill-pubbliku jaċċesshom propju sa sebgħa snin wara. Facebook se jkun qed jimblokka reklami li ma jaqblux ma dawn ir-regoli minn nofs April.