Facebook b’azzjoni kontra fake news għall-elezzjonijiet tal-Istati Uniti

FILE PHOTO: A 3-D printed Facebook logo is seen in front of displayed binary code in this illustration picture, June 18, 2019. REUTERS/Dado Ruvic

Facebook ħabbret li se tkun qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiġġieled il-misinformazzjoni u s-suppressjoni tal-votanti fiż-żmien li ġej sal-elezzjoni tal-Presidenza tal-Istati Uniti f’Novembru tal-2020. Fl-istess ġurnata ħabbret ukoll it-tneħħija ta’ network ta’ profili Russi li jindirizzaw votanti Amerikani minn fuq Instagram.

Facebook qalet li se tkun qed iżżid it-trasparenza permezz ta’ miżuri li fost l-oħrajn juru aktar informazzjoni dwar is-sidien tal-paġni fuq Facebook. Se tkun qed timmarka wkoll il-kontenut bħala falz jekk jinstab li l-fatti li qed jitkellem dwarhom mhux veritieri.

Il-ġgant tal-media soċjali reġa’ spiċċa attakkat minn kritika kbira dwar policy li kienet tippermetti li reklami tal-politiċi ma jiġux iċċekkjati. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Facebook, Mark Zuckerberg, iddefenda l-policy u qal li l-media soċjali introduċiet postijiet għad-diskussjoni u ma għandhiex titwaqqaf.

Fl-istess jum, il-kandidat Demokratiku Joe Biden talab għat-tneħħija ta’ riklam tal-PAC li qal kien fih informazzjoni skorretta dwar l-eks viċi president.  Kelliema għall-kumpanija qalet li issa, jekk dan ir-riklam li m’għadux attiv, jerġa’ jibda jinxtered, se jintbagħat lil fact-checkers ta’ Facebook.

Facebook ħabbret ukoll li se tkun qed twaqqaf kwalunkwe reklami li jgħidu lill-poplu fl-Istati Uniti sabiex ma jivvutax. Zuckerberg qal lill-ġurnalisti li t-twaqqif ta’ miżinformazzjoni japplika wkoll għal reklami ta’ politiċi.