Facebook b’1.5 miljun imejl mingħajr kunsens

Il-ġgant tal-midja soċjali Facebook ammettiet li ġabret 1.5 miljun kuntatt tal-imejl tal-utenti mingħajr il-kunsens tagħhom.

L-akbar netwerk soċjali fid-dinja qal li l-listi tal-imejl ma ġewx imtella’ intenzjonalment fuq Facebook. Il-kumpanija Facebook qalet li wara bidla fid-disinn kważi sentejn ilu, il-kumpanija issa kienet fil-proċess li tħassarhom.

Facebook spjegat li l-kwistjoni bdiet tliet snin ilu meta għamlet tibdiliet fil-proċess ta’ verifika li jsir lill-utenti kollha meta jiġu biex jiftħu kont fuq il-pjattaforma. Qabel dan it-tibdil, l-utenti kellhom l-għażla li jtellgħu l-listi tal-imejl tagħhom biex jgħinuhom isibu ħbieb li jkunu diġà fuq Facebook.

Kelliem għal Facebook qal l-kumpanija ma rrealizzatx li dan kien qed jiġri qabel April ta’ din is-sena. Saħaq li fl-istess xahar, il-kumpanija waqfet toffri dan is-servizz lil min jiftaħ kont ġdid.

Il-kumpanija qalet li l-listi ma tqassmu ma’ ħadd barra minn Facebook. L-aħbar kienet l-ewwel irrappurtata minn Business Insider l-Erbgħa.

Dan il-każ huwa l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ każijiet oħra dwar il-privatezza li Facebook qed tħabbat wiċċha magħhom.

Matul l-aħħar 18-il xahar Facebook kienet involuta fl-iskandlu tad-data ta’ Cambridge Analytica. Il-Kap Eżekuttiv Mark Zuckerberg wieġeb għall-kritika billi wiegħed li jintroduċi miżuri aktar iffukati fuq il-privatezza.

Zuckerberg jiskuża ruħu dwar l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica

Ix-xahar li għadda, Facebook kien affaċċjat ukoll bil-kontroversja fin-New Zealand fejn fil-15 ta’ Marzu xxandar filmat Live waqt attakk fuq żewġ moskei fi Christchurch. L-isparatur qatel 50 persuna.

Jattakka 2 moskej fi New Zealand; 49 mejta u 40 midruba