FAA b’appell lill-Gvern biex jipproteġi l-eqdem binja fil-Fgura

Read in English.

L-eqdem binja fil-Fgura għadu kemm ingħata l-permess biex titwaqqa’ mill-EPRT illum, wara li tneħħitilha protezzjoni fi Frar tas-sena l-oħra. Fi stqarrija l-NGO Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet ukoll li qed tappella lill-Gvern u l-awtoritajiet Maltin responsabbli mill-ambjent biex verament juru li huma kommessi li jieħdu ħsieb il-kwalità tal-ħajja f’Malta billi jirrifjutaw din l-applikazzjoni.

L-NGO spjegat li din il-farmhouse mhix sempliċiment l-unika binja tat-tip tagħha fil-lokalità mifnija minn bini modern bla karattru, imma nbniet fi żmien medjevali u kienet ta-familja Ficura, li l-istess lokalità hija msemmija għaliha, u għalhekk għandha valur storiku.

FAA qalet li l-għalqa madwar il-farmhouse tista’ tinbidel fi ġnien pubbliku, li tant hemm bżonn għalih fil-Fgura, hekk kif il-Fgura hija waħda mill-lokalitajiet f’Malta li l-aktar fihom tniġġis fl-arja. L-NGO sostniet li minkejja din il-problema għas-saħħa tar-residenti, fil-Fgura s’issa għad m’hemmx żoni urbani ħodor li jippermettu li r-residenti jkunu jistgħu jgawdu.

L-NGO semmiet kif fl-1995 il-Kunsill Lokali tal_Fgura kien rebaħ il-każ biex din il-binja tingħata l-protezzjoni tat-tielet Grad hekk kif partijiet minnha jmorru lura iktar minn 200 sena u l-Kunsill kien esprima x-xewqa li jirrestawaha fis-sura oriġinali li kienet inbniet fiha