Filmat: “F’5 sigħat it-tmexxija tiegħi ma ssemmietx darba” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li damet għaddejja ħames sigħat, it-tmexxija tiegħu ma ssemmietx darba.

Hu qal dan waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, wara t-tmiem tal-laqgħa. Mistoqsi dwar id-deputati Nazzjonalisti li ħarġu kontrih fl-aħħar jiem, Delia qal li d-deputati ma jistgħux iwarrbu Kap. Intant sostna li l-andament tal-laqgħa kien wieħed pożittiv fejn sar “pass ‘il quddiem u mhux lura”. Qal li ħass li kien hemm kunsens sħiħ bejn il-membri tal-Eżekuttiv.

“M’għandniex bżonn eroj imma politiċi qrib in-nies”

Delia reġa’ rrimarka li f’dan iż-żmien ma hemmx bżonn eroj, imma hemm bżonn politiċi li huma aktar viċin tan-nies. Hu kien qed jirreferi għal post li kien tella’ l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi fuq Facebook. Hemm hu kien xerred ritratt tas-17-il Membru Parlamentari li ma jridux li Adrian Delia jibqa’ fit-tmun tal-Partit, mingħajr ma żied messaġġ mar-ritratt. Taħt ir-ritratt tal-MPs, kien hemm biss il-kliem “17 Blue Heroes.”

“Tisbit fuq il-bankijiet ifisser kunsens”

Intant Delia kkjarifika li t-taħbit tal-idejn mal-bankijiet f’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv ifisser approvazzjoni u kunsens u mhux xi ħaġa negattiva. Qal li l-istess bħal kif jiġri fil-Parlament. Kompla jgħid li l-konklużjoni tal-laqgħa diġà tħabbret. Dan hekk kif mat-tmiem tal-laqgħa, il-Partit Nazzjonalista bagħat stqarrija li fiha qal li Francis Zammit Dimech ġie elett bħala Segretarju Ġenerali interim. Dan sakemm isiru r-riformi neċessarji li qed jaħdem fuqhom Louis Galea.

Delia sostna li kariga ta’ Segretarju Ġenerali ma tistax tibqa’ battala, hekk kif il-persuna li tkun f’dik il-kariga tiggwida l-partit fix-xogħol tiegħu ta’ kuljum. Qal li r-raġuni li ġiet eletta persuna interim kien sabiex jilħqu jiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ ir-riformi li jissuġġerixxi Louis Galea. Hu qal li karigi oħrajn li ġew vakati ma hemmx bżonn li tinstab persuna immedjata għalihom.