F’16-il sena l-Insara fl-Iraq naqsu b’90%

Arkivji

Fl-Iraq l-ammont ta’ Insara naqas minn 1.5 miljun fl-2003 għal 120,000 nisrani sa nofs l-2019, dan ifisser tnaqqis ta’ 90% tul ġenerazzjoni waħda. Dan ħareġ mill-rapport tal-2019 li ġie ppubblikat mill-organizzazzjoni Aid to Church in Need.

Fir-rapport l-organizzazzjoni qalet li f’sittax-il sena kien hemm tnaqqis drastiku tal-Kristjaneżmu fil-Lvant Nofsani minkejja r-rebħa fuq l-ISIS. Żiedet li fis-Sirja kien n-numru ta’ Nsara naqas b’żewġ terzi mill-2011.

Fir-rapport ħareġ ukoll li l-persekuzzjoni tal-Kristjani marret għall-agħar l-iktar fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Asja. F’numru ta’ pajjiżi Afrikani, il-Kristjani huma mhedda mill-Iżlamisti li jfittxu li jeliminaw il-Knisja jew bl-użu tal-forza inkella permezz ta’ mezzi diżonesti, inkluż it-tixħim tan-nies biex jikkonvertu għall-fidi tagħhom.

Dan it-tagħrif ħareġ mir-rapport bl-isem ta’ “Persecuted and Forgotten? A Report in Christians oppressed for their Faith 2017 – 2019” li jagħti tagħrif dwar il-mewġa riċenti ta’ persekuzzjoni tal-Kristjani madwar id-dinja. Dan ir-rapport jiġbor testimonjanzi diretti u jipprovdi analiżi riċenti li jagħtu stampa ċara dwar is-sitwazzjoni preżenti ta’ kif l-Kristjani huma ppersegwitati madwar id-dinja.

Dan ir-rapport kien ippreżentat f’Novembru li għadda f’Malta mill-Kap tal-Istampa u l-Informazzjoni tal-Aid to Church in Need UK, John Pontifex. Pontifex ilu 17-il sena jaħdem f’din l-organizzazzjoni Kattolika ta’ karità b’risq il-Kristjani ppersegwitati u oħrajn li qegħdin ibatu. Huwa żar diversi pajjiżi biex ifittex u jiżvela dawn il-fatti li qed iseħħu f’pajjiżi bħall-Pakistan, l-Indja, iċ-Ċina, is-Sudan, l-Etjopja, in-Niġerja u Kuba fost oħrajn. Bħala ġurnalist huwa investiga ksur tad-drittijiet tal-bniedem speċjalment dawk relatati ma’ Kristjani u minoranzi oħra tal-fidi.