F’10 xhur inqatlu 2613 persuna bl-ewtanasja fil-Kanada

Is-suwiċidju assistit medikament idaħħalna fi sqaq mudlam

Rapport dwar Assistenza Medika waqt il-Mewt fil-Kanada, li kien publikat aktar kmieni dan ix-xahar juri li bejn Jannar u Ottubru tas-sena li għaddiet, 2613 persuna fil-Kanada “ingħataw għajnuna medika biex imutu” – fi kliem ieħor inqatlu bl-ewtanasja.  Dan jammonta għal 1% tal-imwiet kollha fil-pajjiż f’sena.

Minn dawn kollha, bniedem wieħed biss amministra doża medika biex joqtol lilu nnifsu. Fil-każi l-oħra kollha il-pazjenti mietu wara li tobba jew infermiera amministraw fuqhom dożi biex imutu għax hekk talbu. Dan hu deskirtt bħala omiċidju mediku.

Filwaqt li l-liġijiet fl-Istati Uniti jimponu li f’każ ta’ suwiċidju assistit irid ikun il-pazjent innifsu li jamministra d-doża letali fuqu nnifsu, fil-Kanada it-tobba u l-infermiera huma permessi jagħmlu dan jekk jintlabu mill-pazjent.

Dawn in-numri ma jinkludux dak li jseħħ fi Quebec fejn bejn Diċembru 2015 u Marzu 2018 kien hemm 1664 persuna li nqatlu minn tobba li amministrawlhom dożi mediċinali li qatluhom.

Soċjetà miexja fid-direzzjoni opposta

Meta fl-2016 kienet introdott l-liġi li tillegalizza l-ewtanazja fil-Kanada, il-Kardinal Thomas Collins mill-Arċidjoċesi ta’ Toronto qal li dan kien sinjal li s-soċjetà kienet miexja fid-direzzjoni opposta. “Fi żmien meta l-prijorità tagħna għandha tkun li nrawwmu kultura ta’ mħabba u ntejjbu r-riżorsi għal dawk li qed isofru u jiffaċċjaw il-mewt, is-suwiċidju assistit idaħħalna fi sqaq mudlam,” qal il-Kardinal.

“Għall-ewwel din tista’ tidher bħala għażla attraenti biex wieħed jeħles malajr mit-tbatija tal-ħajja, imma meta’ wieħed jirrifletti fil-fond jinduna bl-implikazzjonijiet koroh tagħha mhux  biss għall-pazjent imma għas-soċjetà kollha kemm hi, speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli. Hemm bżonn li nirriflettu sew”, appella l-Kardinal Collins.

6700 omiċidju mediku

F’Ġunju tal-2016 il-Parlament Kanadiż kien illegalizza s-suwiċidju assistit minn tabib u l-ewtanasja amministrata minn tabib. Minn dakinhar ‘l hawn 6,700 Kanadiż mietu permezz ta’ omiċidju mediku.

7% ta’ dawk li ngħataw għajnuna medika biex imutu kienu bejn it-18 u l-55 sena. L-età medja ta’ dawk li nqatlu bl-ewtanasja kienet ta’ 72 sena.

Dan ir-rapport dwar qtil bl-ewtanasja ħareġ ftit jiem biss qabel għada, 9 ta’ Mejju, fil-Kanada għandu jsir il-Marċ Favur il-Ħajja.