F1: Bianchi operat wara li jaħbat ma’ gaffa

Is-sewwieq Franċiż tal-Formula 1 Jules Bianchi għadu f’kundizzjoni kritika wara li ħabat bil-karozza tiegħu Marussia, 7 tidwiriet qabel it-tmiem tal-Gran Prix ta’ Suzuka fil-Ġappun.
Bianchi li għandu 25 sena ttieħed mill-ewwel l-isptar mitluf minn sensih.
Wara li saritlu l-operazzjoni f’moħħu, missier Jules, Philippe Bianchi qal li ibnu għadu f’kundizzjoni kritika.  
Jidher li issa s-sewwieq qed jirnexxielu jieħu nifs waħdu.
X’ġara eżatt waqt l-inċident għad irid jiġi deċiż iżda kollox qed jindika li minħabba x-xita li niżlet, il-Franċiż tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ dieħel ġo gaffa li daħlet fit-track biex tneħħi l-karozza Force India ta’ Sutil li ħareġ mit-tellieq ftit qabel.
L-eks ferrarist, is-sewwieq Brażiljan Felipe Massa, qed jipponta subajh lejn min ħa ħsieb l-organizzazzjoni tat-tellieqa. 
Dan għaliex skont Massa, il-problemi bdew mill-bidu għaliex anqas setgħu jaraw xejn.
Qal li meta ħarġet is-safety car, kien ilu ħames tidwiriet jgħid li t-tellieqa kellha tieqaf għax mhu jidher xejn.