F’xahar il-CABS tiskopri 180 mansab attiv

Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK), wissiet lill-kaċċaturi kollha biex, fi kliemha, ma jkunux il-kaġun tar-rovina u l-ħela ta’ flus li qed tonfoq il-federazzjoni u l-Gvern sabiex id-delizzju jiġi protett.
Din l-istqarrija l-FKNK ħarġitha sigħat qabel ma l-Kumitat ta’ Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) żvela fi stqarrija li dax-xahar skopriet aktar minn 180 mansab attivi, minkejja li l-istaġun għall-insib ikun magħluqa fir-rebbiegħa.
Il-CABS qalet li jekk tqabbel dax-xahar ma’ dak tal-2017, irriżultat żieda ta’ 35%, hekk kif dakinhar kienu nstabu 133 mansab attiv.
Il-Kumitat qal li dan kollu hu frott ta’ nuqqas min-naħa tal-Gvern biex jinforza r-regolamenti, u argumenta li bir-riżorsi adegwati u struzzjonijiet tajbin, il-Pulizija faċilment tista’ tarresta għexieren ta’ nassaba kuljum li qed jiksru l-liġi.
Fl-aħħar għaxart ijiem il-CABS qabdet 13-il nassab fil-fatt, u qalet li meta avżat lill-Pulizija l-uffiċjali li marru fuq il-post kellhom ordni biex ma jikkonfiskawx l-għasafar li kienu qed jintużaw bħala lixka, minkejja li f’Għawdex ġara bil-maqlub.
Hawnhekk ġew ikkonfiskati 9 ġojjini, 4 ivrieden u 2 sponsuni, 2 apparelli u 1 taż-żebbuġ.
L-Uffiċjal tal-CABS għall-Kriminalità fis-Salvaġġ, Fiona Burrows, qalet li se jkomplu jissorveljaw sal-aħħar t’April.
Min-naħa tagħha, l-FKNK awgurat staġun tajjeb ta’ kaċċa għas-summien, iżda sostniet li mhix se tittollera ebda ksur ta’ liġi.
L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa jiftaħ il-Ħadd li ġej.