F’temp sajfi ċċelebrata waħda mill-aktar festi antiki f’Malta

Illum, f’temp kważi sajfi, qed tiġi ċċelbrata l-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat.
Din hija waħda mill-aktar festi antiki f’Malta, li kienet tiġi ċċelebrata qabel l-1508.
Is-soltu din il-festa tkun iċċelebrata nhar id-19 ta’ Marzu, fil-festa Liturġika ta’ San Ġużepp, iżda minħabba li din is-sena ħabtet lejlet Ħadd il-Palm, il-festa qed tiġi ċċelebrata llum.
Dalgħodu, fil-Knisja magħrufa bħala Ta’ Ġieżu, fejn hi mwaqqfa l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, li tieħu ħsieb torganizza l-festa, se jiġi ċċelebrat il-Pontifikal solenni tal-festa mmexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Dan jibda b’purċissjoni mill-Katidral tal-Imdina, fejn l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp takkumpanja lill-Kapitlu Metropolitan ta’ Malta sal-Knisja ta’ Ġieżu biex jieħu sehem fil-Pontifikal.
Din hija tradizzjoni li tfakkar meta fl-1508, nhar is-16 ta’ Mejju, il-Kapitlu tal-Katidral, flimkien mal-Ġurati tal-Università, iffirmaw dikjarazzjoni li fiha ddikjaraw li l-festa ta’ San Ġużepp, nhar id-19 ta’ Marzu, għandha tkun iċċelebrata bl-akbar solennità, bħala festa kmandata u pubblika.
L-istess Arċikonfratenità, għandha bħala s-seda tagħha s-Santwarju antik ta’ San Ġużepp. Tiddomina dan is-Santwarju hemm l-istatwa antika ta’ San Ġużepp, li kien ġab miegħu l-Ordni ta’ San Ġwann minn Rodi fl-1530. Din kienet inkurunata nhar l-1 ta’ Mejju tal-1963.
Illejla, għall-ħabta tas-7:00pm toħroġ il-Purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġużepp li nħadmet fl-1890.
Il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat, hija meqjusa bħala waħda mill-festi xitwin, flimkien ma’ dik tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla u ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. It-tlieta li huma din is-sena kienu ċċelebrati f’temp kważi sajfi.