F’Settembru jitħabbar meta ż-żewġ Papiet isiru Qaddisin

Fl-aħħar ta’ Settembru, meta se jiltaqa’ l-Konċistorju tal-Vatikan, il-Papa Franġisku mistenni jħabbar id-data tal-kanonizzazzjoni tal-Beatu Ġwanni Pawlu II u l-Beatu Ġwanni XXIII.

Dan qalu lill-ġurnalisti l-Kardinal Angelo Amato, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin.

Iż-żewġ Papiet se jiġu proklamati qaddisin waqt l-istess ċerimonja fl-2014.

Il-Kardinal Amato qal li huwa diffiċli li l-kanonizzazzjoni ssir din is-sena.

Il-Kardinal sostna li qed jikkonferma biss dak li diġà qal il-Papa nniffsu lill-ġurnalisti meta x-xahar li għadda kien fuq l-ajruplan fi triqtu lejn il-Brażil. Dakinhar il-Papa kien ħabbar li l-kanonizzazzjoni mhux se ssir fl-aħħar xhur tal-2013, iżda fl-2014.