F’Settembru jibdew jitqassmu t-tablets lit-tfal tar-raba’ sena primarja

Bejn Settembru u Ottubru li ġej, it-tfal kollha tar-raba’ sena primarja se jingħataw tablet bħala parti mil-proġett ta’ tqassim ta’ tablets lil tfal tal-iskola primarja.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Alex Muscat.
Bartolo fisser li hekk se jkun beda t-tieni ċiklu ta’ tqassim ta’ tablets wara proċess simili fil-bidu tas-sena skolastika li għaddiet.
Bartolo qal li f’Diċembru 2016 beda t-tqassim tat-tablets lit-tfal kollha tar-raba’ sena li jattendu l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. Dan wara taħriġ lill-għalliema fi-xhur ta’ qabel u ta wara biex jużaw it-tablet waqt it-tagħlim ta’ diversi suġġetti. Saru wkoll diversi laqgħat għall-ġenituri biex ikunu infurmati fuq din l-għodda u jaraw kif għandhom jgħinu lill-uliedhom jużaw it-tablet sew. Il-Ministru għall-edukazzjoni spjega li eventwalment iċ-ċiklu se jiġi ripetut mal-istudenti li jinsabu fit-tielet sena tal-primarja.
Qal ukoll li bdiet l-evalwazzjoni tal-ewwel ftit xhur u l-monitoraġġ ta’ kif intuża t-tablet mit-tfal.
Intant, spearatament, ġie iffirmat ftehim mal-Universitàta’ Malta biex l-Università jkollha sett ta’ tablets li tista’ tħarreġ lill-għalliema-studenti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Tfassal ukoll programm ta’ taħriġ li se jagħtuh għalliema speċjalizzati mid-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali.
L-ammont ta’ investiment li ntefaq f’dan il-proġett s’issa huwa ta’ €4,864,148.21 (jinkludi VAT).