F’sena l-Gvern wettaq aktar minn 33% tal-wegħdiet – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li f’sena waħda biss il-Gvern wettaq aktar minn 33% tal-wegħdiet kollha.
Waqt attività politika f’Birżebbuġa, Dr Muscat qal li l-Oppożizzjoni daħqet bil-Gvern għax innegozja biex raħħas il-prezz tal-fuel u għax raħħas l-uniformijiet.
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-Gvern qed jara kif se jdawwar il-power station ta’ Marsaxlokk u se jagħmel faċilità temporanja sakemm jidħol il-pipeline. Qal ukoll li daħħal applikazzjoni biex jirranġa t-triq ta’ fejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata  u jrid li dik il-junction isir waħda mill-highways effiċjenti tal-pajjiż. Semma wkoll ix-xogħol fuq Triq il-Kosta.
Joseph Muscat qal li l-kabinett preċedenti kien ċaħħad €800,000 mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Sostna li l-voti huma tan-nies u mhux tal-partiti u ħeġġeġ lill-folla preżenti biex fl-24 ta’ Mejju tiġġudika lill-Gvern fuq il-kandidati u fuq dak li għamel.