F’Sarajevo, il-Papa jitlob għall-paċi

Dalgħodu l-Papa qaddes fl-istadjum Olimpiku ta’ Sarajevo,  il-kapitali tal-Bożnija-Ħerzegovina. 
F’April tal-1997, fl-istess stadjum il-Papa Ġwanni Pawlu II kien milqugħ f’temp kiesaħ u bis-silġ iżda illum iktar minn 50,000 persuna laqgħu lill-Papa Franġisku f’temp xemxi u mill-isbaħ.
Fl-omelija tiegħu, il-Papa wissa’ lil dawk li jridu jistigaw il-gwerra. Il-Papa qal li d-dinja ma tridx nies li jippriedkaw il-paċi imma nies li jaħdmu biex iġibu l-paċi.
“Il-Paċi hija l-ħolma ta’ Alla, il-pjan tiegħu għall-umanità”.
Il-Papa ħeġġeġ biex kulħadd jagħmel dmiru u jaħdem għall-paċi. Qal li “anke fi żmiena, x-xewqa għall-paċi u l-impenn tagħna li nibnu l-paċi taqa’ f’konfront dirett mar-realtà ta’ ħafna ġlied u kunflitti li jaffettwaw lid-dinja.”
Il-Papa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ma jaħsbux li l-paċi tiddependi minna biss. Kompla jgħid li “l-paċi hija rigal ta’ Alla, mhux fis-sens maġiku imma li bl-ispirtu qaddis jista’ jwassal biex inkunu strumenti tal-paċi tiegħu.”