Aġġornata: “F’San Vinċenz de Paule qed jiġu impjegati carers flok infermiera” – MUMN

Is-Segretarju Ġenerali tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), Colin Galea saħaq li biex tiffranka l-flus, it-tmexxija ta' San Vinċenz de Paule qed timpjega carers bil-kuntratt li jew huma illiterati jew barranin, b’mod partikolari mill-Pakistan u l-Indja, li ma jafux la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż.
Waqt protesta mill-ħaddiema, Colin Galea spjega li f’sala ta’ 40 pazjent qed jiddaħħlu żewġ infermiera minfloka erba’.
Żied jgħid li matul il-lejl qed ikun hemm infermier wieħed u minħabba f’hekk qed ibatu l-anzjani.
Colin Galea qal li kien sar studju flimkien mat-tmexxija tar-residenza, li juri li matul il-jum irid ikun hemm erba’ infermiera u tnejn matul il-lejl, iżda dan l-istudju miet fuq ommu għax it-tmexxija ma mxietx fuqu sabiex tifranka l-flus.
Qal li minflok ġew impjegati infermiera ddaħħlu carers tal-kuntrattur tal-kumpanija tal-Grupp db, Healthmark.
Dan hekk kif għal 1,000 residenti, hemm impjegati 300 infermier, li 80% minnhom huma fuq bażi full time.
L-MUMN ilmentat ukoll dwar sistema ġdida għal-leave tal-infermiera, hekk kif skont Galea, it-tmexxija qed iċaħħad lill-ħinfermiera milli jieħdu l-leave nhar ta’Ħadd.
Colin Galea qal li dan l-atteġjament qed iħalli effetti psikoloġiċi fuq l-infermiera.
L-MUMN qed titlob laqgħa urġenti mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana dwar dak li qed issejjaħ bħala sitwazzjoni mwiegħra għall-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paule.
“Is-Segretarjat għall-Anzjanità Attiva se tistieden lill-Union għal-laqgħa”
F’reazzjoni s-Segretarjat għall-Anzjanità Attiva qal li fl-aħħar tliet snin ġew ingaġġati 119-il infermier ġdid fir-residenza.
Filwaqt li qal li dejjem hemm bżonn li l-għadd tal-infermiera jkompli jiżdied, l-amministrazzjoni ta’ SVPR qed jaħdem f’din id-direzzjoni bid-diffikultajiet kollha li jeżistu fis-suq tal-infermiera lokali.
Saħaq li l-Amministrazzjoni ħadet miżuri immedjati oħra skont riċerka li saret flimkien mal-MUMN.
Żied jgħid li l-carers ingaġġati f’San Vinċenz huma kollha kwalifikati u jgħaddu minn proċess ta’ skrutinju mis-sezzjoni tal-infermiera stess, b’tali mod li dawk biss li l-infermiera infushom jiddikjaraw kompetenti jiġu ingaġġati. 
Qal li s-sorveljanza u t-taħriġ, kemm lill-infermiera u lill-carers, jingħataw flimkien b’mod regolari fiċ-Ċentru ta’ Taħriġ tar-residenza.
Spjega wkoll li anqas minn 25% fil-mija tal-500 mitt carer huma ta’ nazzjonalità barranija.
Temm jgħid li se tistieden lill-Union sabiex issir il-laqgħa mitluba.