F’riskju l-ġemellaġġ bejn Vittoria u s-Siġġiewi

Mistennija li ssir laqgħa bejn l-Awtoritajiet Sqallin u l-Gvern Malti. 

Dan wara li Kunsilli Lokali Sqallin ħassewhom urtati bil-mod kif ġew tratti s-sajjieda Sqallin li ġew arrestati f’Malta.

Dawn is-sajjieda ġew arrestati wara li allegatament kienu qed jistadu fil-baħar Malti.

L-Awtoritajiet Sqallin jinsabu f’kuntatt dirett mal-Gvern Malti.

Nhar it-Tlieta li għadda f’Palermo, il-Viċi Sindki ta’ Vittoria u Licata u rappreżentanti tal-Għaqdiet tas-Sajd iltaqgħu ma’ Dario Cartabellota, li huwa responsabbli mis-Sajd għar-reġjun Sqalli.

Matul din il-laqgħa ġie deċiz li jekk jiġi stabbilit li s-sajjieda kienu f’baħar internazzjonali mistennija li jressqu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Is-Sindku ta’ Vittoria, Giuseppe Nicosia irid li s-sajjieda jingħataw kumpens u ddeskriva l-atteġjament tal-Awtoritajiet Maltin bħala wieħed militari.

Nicosia saħaq li jekk ma jinstabx rimedju ma jarax għaliex il-belt ta’ Vittoria tkompli bil-ġemellaġġ mas-Siġġiewi.