F’Pariġi mistennija deċiżjoni kontra l-ISIS

Ministri minn 20 pajjiż qed jiltaqgħu f’Pariġi llum biex jiddiskutu strateġija kontra t-theddida tal-Istat Iżlamiku.
Il-laqgħa qed issir l-għada ta’ attakk li ħalla mal-45 suldat mejjet fl-aħħar azzjoni tal-militanti fl-Iraq u wara li s’issa jidhru għalxejn l-isforzi tas-suldati Iraqqini li jippruvaw jaħtfu lura l-belt ta’ Ramadi, fl-ikbar provinċja Sunnita.
L-Iraq spiċċa jiddependi ħafna fuq l-għajnuna volontarja ta’ Xiiti mill-Iran li qed jiġġieldu flimkien mas-suldati ta’ Assad f’territorju tas-Sunniti qalb biża’ ta’ tensjoni bejniethom.
L-attakki mill-ajru s’issa, mill-koalizzjoni ta’ kontra l-Istat Iżlamiku, ftit li xejn ħallew l-impatti mixtieqa bil-militanti jkomplu javvanzaw fi nħawi ġodda.
Il-BBC ikkwota sorsi li qalulu li fil-laqgħa f’Pariġi mistennija ssir diskussjoni dwar pjan t’azzjoni bil-għan li tintrebaħ lura Ramadi, b’attakki li mistennija jibdew fil-ġranet li ġejjin.
Is-sorsi qalu li qrib Ramadi, ittieħdu sitt rocket-launchers mibnija fl-Iran waqt li ntbagħtu mat-3,000 suldat li lestew taħriġ bażiku. Dawn jinsabu lesti biex jattakkaw lill-militanti.
Il-laqgħa mistennija titratta wkoll il-ħarsien tal-wirt storiku dinji li jinsab f’dawn l-inħawi, hekk kif qed tikber il-biża’ li l-militanti jeqirdu l-belt Rumana ta’ Palmira.
Il-BBC ilbieraħ żvelat ir-rakkont ta’ tifel ta’ 14-il sena li rnexxielu  jaħrab minn idejn il-miltanti tal-Istat Iżlamiku, li tkellem dwar it-torturi li kien jingħata.