F’Ottubru mistennija li jibdew ix-xogħlijiet fil-pitch ta’ B’Buġa

F’Ottubru li ġej mistennija li jibdew ix-xogħlijiet relatati mal-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa.

Fil-preżent is-sit jinsab mitluq, ġarrab ħsarat kbar u filwaqt li fih jinġabar il-ħmieġ, ir-residenti jridu li dan jinbidel u jerġa’ jingħata l-ħajja mill-ġdid.

Għaldaqstant madwar dan il-proġett ta’ rijabilitazzjoni tas-sit ma naqsitx il-kontroversja.

Dan għaliex il-pjanti għall-bini mill-ġdid tal-pitch issa ilhom approvati mill-MEPA mill-2004.

Matul dawn l-aħħar tliet snin bdew isiru xi xogħlijiet ta’ tħaffir iżda l-post jinsab mitluq għal kollox.

Resident li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt stqarrew li jinsabu urtati li dan il-post tħalla jitmermer għaliex saru diversi wegħdiet li se jiġi rijabilitat iżda ma sar xejn.

Huma sostnew ukoll li l-komunita’ f’Birżebbuġa jixirqila li jkollha pitch tal-waterpolo li minnu jgawdu t-tfal u ż-żgħażagħ tal-post.

Mit-tenders li kienu ħarġu f’April tas-sena li għaddiet, jirriżulta li s-sit se jiġi żviluppat f’pitch li se jinkludi wkoll faċilitajiet oħra.

Il-pjanti riveduti kienu approvati mill-MEPA f’Settembru tal-2010 u l-proġett kien parti wkoll tal-baġit għall-2011.

It-tenders kienu għalqu f’Ġunju tas-sena li għaddiet b’erba’ kuntratturi juru l-interess tagħhom.

F’Settembru, id-Dipartiment tal-Kuntratti kien irrakkomanda l-aħjar offerta li tammonta għal madwar €1,200,000.

Għaldaqstant il-proġett kien tħalla fuq l-ixkaffa biex issa mistenni li x-xogħlijiet jibdew f’Ottubru li ġej.