F’Novembru Malta bl-ogħla żieda fl-ispejjeż tal-fabbriki

Malta kienet l-iktar pajjiż fl-UE li matul Novembru rat il-prezzijiet għall-produzzjoni industrijali jiżdiedu.
Bejn Ottubru u Novembru, Malta rat l-ispejjeż għall-fabbriki jogħlew b’0.3% meta l-medja għall-UE kollha kienet ta’ roħs ta’ 0.3% l-iktar minħabba r-roħs ta’ 0.6% fil-prezzijiet tal-enerġija.
Skont il-Eurostat, fl-aħħar sitt xhur l-ispejjeż għall-fabbriki f’Malta naqsu biss f’xahar waqt li f’xahrejn oħra baqgħu l-istess meta l-medja għall-UE kollha fissret roħs f’ħames mill-aħħar sitt xhur.
Meta t-tqabbil isir fuq bażi ta’ sena madankollu, l-ispejjeż għall-fabbriki f’Malta huma orħos f’kull xahar, saħansitra kważi dejjem orħos mill-medja għall-UE.