F’nofs l-2016 se jiġi diskuss il-proġett ta’ Malta għall-pipeline tal-gass

Lejn in-nofs tas-sena d-dieħla, il-Kummissjoni Ewropea se ssejjaħ konferenza Ministerjali dwar l-enerġija.
Matul din il-konferenza huwa mistenni li jiġi ppreżentat il-pjan ta’ ħidma għall-2016 u l-2017 għall-enerġija.
Dan joħroġ mit-tweġiba li l-Kummissjoni tat lill-Ewroparlamentari Malti David Casa għall-mistoqsija li għamel fil-Parlament Ewropew.
Il-laqgħa Ministerjali hija importanti wkoll fid-dawl tal-proġetti infrastrutturali li se jsaħħu l-provvista tal-gass madwar l-Ewropa.
Dan hekk kif il-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija jinsab fil-lista ta’ proġetti tal-Unjoni Ewropea, li jikkwalifikaw għall-fondi li jlaħħqu l-€5.85 biljun.
Għall-Kummissjoni, dan il-proġett qed jitqies importanti għaliex isaħħaħ il-provvista tal-gass madwar l-Ewropa.
F’Ġunju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea kienet nediet il-pjattaforma Ewro-Mediterranja għall-enerġija, bil-għan li jkun hawn garanzija u tissaħħaħ il-provvista tal-gass.
Il-ħsieb huwa l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea jkunu f’pożizzjoni li jkollhom il-gass mis-suq Ewropew.