F’Mejju li ġej l-Eġizzjani jivvutaw għall-President ġdid

L-elezzjoni Presidenzjali fl-Eġittu se jsiru fis-26 u s-27 ta’ Mejju li ġej.
L-Erbgħa li għadda, il-Kmandant tal-Armata Eġizzjana Abdel Fattah el-Sisi ħabbar li se jkun qed jirreżenja mill-kariga tiegħu għax se jkun kandidat għall-Presidenza.
El-Sisi li għandu 59 sena mexxa d-dimostrazzjonijiet biex jitneħħa mill-poter il-President Mohammed Morsi li kien l-ewwel President Eġizzjan li tela’ b’elezzjoni.
Il-Kmandant tal-Armata huwa popolari ħafna fost dawk li ħadu sehem fil-protesti biex jitneħħa mill-poter Mosri wara sena minn meta ħa l-poter. El-Sisi huwa magħruf bħala bniedem b’karattru sod u li kien ukoll protagonist fir-rewwixta li permezz tagħha tneħħa mill-poter Hosni Mubarak wara kważi tletin sena fil-poter. 
Iżda, il-Partit Iżlamiku li jinsab fl-Oppożizzjoni jiddeskrivu lil el-Sisi bħala bniedem li ħadem kontra mexxej li kien elett mill-poplu f’elezzjoni.
Minn meta tneħħa mill-poter Morsi, l-Eġittu kien ikkaraterizzat minn diversi dimostrazzjonijiet u ġlied. Infatti militanti bbażati fil-peniżola tas-Sinai, viċin tal-fruntiera mal-Iżrael, wettqu numru ta’ attakki fuq suldati u pulizija
Matul il-ġurnata tal-Ħadd, grupp ta’ persuni armati fetħu n-nar u qatlu suldat u weġgħu tliet pulizija.