“F’Malta t-tniġġis tal-arja joqtol 220 persuna kull sena” – Miriam Dalli

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli tkellmet dwar l-importanza li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jħarsu b’ambizzjoni lejn il-miri tat-tibdil fil-klima kif imwiegħda fil-Ftehim ta’ Pariġi.
Waqt diskors fil-kumitat tal-ambjent, il-kelliema tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Miriam Dalli, qalet li ta’ kull sena, fl-Unjoni Ewropea, it-tniġġis tal-arja joqtol nofs miljun persuna fis-sena u f’Malta dan it-tniġġis huwa responsabbli għal 220 mewta fis-sena.
Spjegat li propju minħabba dawn iċ-ċifri li l-Kummissjoni Ewropea qed tinkoraġġixxi l-użu tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, hybrid u li jagħmlu użu minn low-carbon fuels.
Dr Dalli żiedet tgħid li mhux biżżejjed li wieħed jitkellem biss dwar biofuels imma importanti li ssir diskussjoni fuq kif l-elettrifikazzjoni tista’ tgħin biex fost oħrajn jintlaħqu l-miri rinovabbli għall-2030.
Fakkret ukoll li fil-futur, se jkun hemm bżonn produzzjoni bil-massa ta’ fjuwil nadif hekk kif it-talba għat-trasport se tibqa’ tikber u għalhekk hemm bżonn kriterji stretti u sostenibbli.
F’Malta, il-livell ta’ emissjonijiet mit-trasport tal-art kibru b’16.4% bejn l-2005 u l-2014. Dwar dan il-Gvern ħabbar strateġija nazzjonali għat-trasport sal-2050 u master plan sal-2025.