F’Malta jissaħħu l-miżuri tas-sigurtà wara l-attakki fi Franza

Kelliema għall-Ministeru tal-Intern ikkonfermat li Malta qed issegwi mill-qrib il-proposta li tressqet fil-Parlament Ewropew dwar id-dettalji tal-persuni li jidħlu f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Mhux eskluż li Malta huwa wieħed mill-15-il pajjiż li daħħal fis-seħħ jew li qed jikkunsidra li jdaħħal fis-seħħ, qafas li biex tidħol fis-seħħ sistema magħrufa bħala PNR.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat l-Awtoritajiet f’Malta u l-Forzi tas-Sigurtà saħħew il-miżuri li jittieħdu wara l-attakk terroristiku li seħħ fuq l-uffiċini tar-rivista Charlie Hebdo fi Franza.
Il-proposta tal-PNR, li qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew tinkludi l-ġbir tal-informazzjoni u d-dettalji tal-passiġġieri.
Jekk tidħol fis-seħħ, għalkemm ilha tiġi diskussa għal dawn l-aħħar erba’ snin, il-kumpaniji tal-ajru jridu jgħaddu l-informazzjoni tat-titjiriet bid-dettalji tal-passiġġieri lill-Forzi tas-Sigurtà tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
Speċjalment wara dak li ġara fi Franza, il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel pressjoni lill-Ewroparlamentari biex jintlaħaq qbil.
L-ikbar diffikultà ġejja mill-interpretazzjoni tal-liġi li tista’ tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Il-Kummissjoni lesta tinvesti mal-€50 miljun fil-PNR, bl-Ewroparlamentari jridu li l-informazzjoni tinżamm sa’ massimu ta’ 6 xhur.
Kelliema għall-Ministeru tal-Intern ikkonfermat li f’dawn it-tip ta’ ċirkostanzi, meta jseħħ attakk terroristiku f’pajjiż ieħor Ewropew, jiġu aġġornati l-proċeduri u tittieħed azzjoni biex tissaħħaħ is-sigurtà skont il-bżonn.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li minn Diċembru li għadda bdew isiru verifiki bijometriċi lil persuni terzi, li jeħtieġu l-viża u li jaslu Malta minn barra iż-żona Schengen.
Miżuri oħra li jittieħdu huma dawk provduti fil-Kodiċi dwar il-Fruntieri.
Bosta pajjiżi Ewropej qed jenfasizzaw fuq il-bżonn li jinżammu d-dettalji tal-persuni li jidħlu fl-Ewropa minħabba r-riskju li madwar 6,000 Ewropew ingħaqdu mal-jiħadisti tal-Istat Iżlamiku u jistgħu jidħlu lura fl-Ewropa u jwettqu attakki terroristiċi.