F’Londra tarbija kważi titlef saba’ wara li tiġi attakkata minn volpi

Fl-Ingilterra tarbija ta’ erba’ ġimgħat ġiet attakkata minn volpi fid-dar tal-ġenituri tagħha. Il-każ ġara ftit jiem ilu fin-nofsinhar ta’ Londra fejn it-tarbija ittieħdet minnufiħ l-isptar ta’ San Tumas għall-kura fejn instab li t-tifel ċkejken kellu xi ġrieħi f’idejh.

Is-Sindku ta’ Londra Boris Johnson qal li dawn it-tip ta’ attakki għalkemm huma tal-biża’, huma rari ħafna. Huwa saħaq li trid issir ħidma akbar sabiex tittaffa din il-problema ta’ volpi tat-toroq li qed jattakkaw persuni.

Is-Sindku ta’ Londra kompla jgħid li f’dan il-mument, il-ħsebijiet tiegħu huma mat-tarbija ċkejkna u mal-familja tiegħu. Huwa qal li filwaqt li l-volpi jidhru annimali simpatiċi, dawn jistgħu ukoll ikunu ta’ theddida għal persuni, b’mod partikolari fil-bliet.

Mezzi tal-istampa fl-Ingliterra qed jgħidu li t-tarbija tilfet wieħed mis-swaba’ tagħha f’dan l-attakk, iżda jidher li s-saba’ reġa’ twaħħal f’operazzjoni li damet tlett sigħat u li ġiet deskritta bħala delikata u diffiċli.

Il-Pulizija Ingliża għadha għaddeja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ. L-isptar San Tumas fejn tinsab rikoverata t-tarbija ma ried jagħti l-ebda kumment lil mezzi tax-xandir dwar dan l-attakk.