F’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, ordnati testijiet tad-DNA fuq il-laħam taċ-ċanga

L-Unjoni Ewropea ordnat lill-iStati Membri biex kull pajjiż jagħmel testijiet tad-DNA fuq prodotti taċ-ċanga.

Dawn it-testijiet mistennija jibdew fl-1 ta’ Marzu u jkomplu sal-aħħar ta’ Mejju. Madankollu, ir-riżultati tad-DNA għandhom jintbagħtu kull xahar.

Dan tħabbar mill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Dr Tonio Borg, wara d-diskussjonijiet li kellu ma’ delegazzjonijiet minn bosta pajjiżi fosthom Franza, r-Renju Unit u pajjiżi oħra affettwati.

L-iskandlu qam ftit jiem ilu meta nstabu laħam taż-żiemel fil-prodotti taċ-ċanga.

F’kummenti li ta lil dan is-sit qabel ma bdew id-diskussjonijiet, Dr Tonio Borg kien insista li għalissa din kienet kwistjoni relatata ma’ mmarkar ħażin u mhux ma’ sigurtà fl-ikel. Qal ukoll li s-sistema Ewropea biex tkun imħarsa s-sigurtà fl-ikel hi fost l-aktar siguri fid-dinja.