F’Kemmuna jonqsu l-inċidenti fix-xewka tad-dahar

Għall-kuntrarju tas-sjuf ta’ qabel, tul is-sajf li għadda, fil-Bajja ta’ Bejn il-Kmiemen kien hemm ftit anqas nies li weġġgħu x-xewka tad-dahar minħabba qbiż mill-għoli.
Fil-fatt kien hemm 9 każi fejn xi ħadd weġġa’ dahru jew rasu.
Din is-sena kien hemm aktar għawwiema li ċedew jew ippanikkjaw waqt li kienu qed jgħumu minħabba kurrenti fil-baħar.
F’Kemmuna ġew salvati mill-għarqa 389 persuna waqt li 5 oħra fil-Bajja tar-Ramla.
Fl-aħħar ġurnata li l-lifeguards qattgħu fir-Ramla, ġew salvati mill-għarqa omm u iben.
F’dawn it-tliet bajjiet kien hemm 839 persuna li ngħataw l-għajnuna minħabba gdim ta’ bram.
263 persuna weġġgħu ħafif.
B’kollox, l-Emergency Response & Rescue Corps tul il-ġranet tas-sajf kienu involuti f’1,579 intervent.  1,317 minnhom fil-Bajja ta’ Bejn il-Kmiemen, 208 intervent fir-Ramla u 54 intervent f’Marsalforn.
Is-servizz tal-lifeguards f’dawn it-tliet bajjiet hu possibbli permezz tal-għajnuna mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mill-Ministeru għal Għawdex, mill-Mġarr Marina, minn Transport Malta, mill-Pulizija, mill-Forzi Armati ta’ Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili u anke mill-Fondazzjoni Gaia.