F’każ ta’ Ebola, Mater Dei mhux soluzzjoni – Frank Portelli

It-tabib Frank Portelli ikkritika d-deċiżjoni tal-Gvern li f’każ li jitfaċċaw każi suspettati ta’ Ebola f’Malta dawn ikunu iżolati f’Mater Dei. Huwa saħaq li f’każi bħal dan, iċ-ċentru ta’ iżolament għandu jkun x'imkien li verament għandu jkun iżolat mill-kumplament tal-pazjenti.
Mistoqsi waqt il-programm Newsbook fuq RTK is-Sibt filgħodu, Dr Frank Portelli qal li nies li huma suspettati li jista’ jkollhom il-virus tal-Ebola, għandhom jitpoġġew f’postijiet iżolati.
Saħaq li bħalma l-Ewropa qegħda fuq allert għal li jista’ jinqala’, Malta għandu jkollha pjan adekwat għall-esiġenzi.
Waqt l-istess programm Newsbook, it-tabib Frank Portelli saħaq li m’hemmx lok ta’ allarm f’Malta u qal li l-virus jista’ jittieħed minn persuni li jaslu Malta mill-Afrika bl-ajru u mhux bil-baħar. Meta tkellem dwar każi ta’ immigrazzjoni irregolari, huwa saħaq li normalment minħabba li l-vjaġġ bil-baħar li jieħdu l-immigranti huwa wieħed fit-tul, il-virus jilhaq jgħib mat-triq. Qal iżda li għandu jkun hemm kontrolli fuq persuni li jidħlu Malta mill-ajruport u li jkunu qed jaslu minn postijiet bħal Sierra Leone u l-Afrika Ċentrali.