Aġġornata (6): KAŻ EGRANT: “Ma ħriġtx dokumenti tal-klijenti” – Sid il-Bank Pilatus

​Iċ-Ċermen tal-Bank Pilatus Seyed Ali Sadr Hasheminejad illum deher quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, hekk kif issoktat l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, hija sidt il-kumpanija Egrant fil-Panama.
Hasheminejad stqarr li kellu konverżazzjoni twila mal-Maġistrat u li pprovda l-kotba, il-karti, id-dokumenti, is-sistema kollha tal-bank u l-filmati biex jiġu eżaminati.
Iffaċċjat mill-ġurnalisti wara seduta ta’ tmien sigħat, Hasheminejad ma weġibx mistoqsijiet dwar jekk iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-familja Aliyev tal-Ażerbajġan, humiex klijenti tal-bank.
Huwa ċaħad li ħareġ dokumenti tal-klijenti mill-Bank il-Ħamis filgħaxija.  Spjega li hemm dokumenti li jaħdem fuqhom hu bħala Ċermen tal-Bank.
Dwar ir-rapporti li l-FIAU investigat il-Bank Pilatus, Hasheminejad saħaq li ma jistax jagħti informazzjoni qabel, waqt jew wara investigazzjonijiet jew spezzjonijiet.
L-allegazzjonijiet jgħidu li d-declaration of trusts li fihom din l-informazzjoni kienu miżmuma fil-Bank Pilatus, li wkoll għandu kont għal kumpanija Egrant.
L-inkjesta ġiet ordnata wara li ċ-Ċermen innifsu u r-Risk Manager tal-Bank Antoniella Gauci, ġew iffilmjati ħerġin mill-Bank il-Ħamis filgħaxija. Iċ-Ċermen kien qed iġorr żewġ bagalji, li qanqlu diversi dubji dwar ir-riżultat tal-inkjesta. 
F'ġieħ l-interess nazzjonali, itlaq!" – Busuttil lil Muscat
Sadanittant, illum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru m’għadhiex tenibbli u li “għandu jitlaq issa f’ġieħ l-interess nazzjonali għax diġà saret biżżejjed ħsara lill-pajjiż”.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN, Busuttil irrefera għall-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ mart il-Prim Ministru.
Saħaq li Prim Ministru serju għandu jirriżenja u li sakemm Joseph Muscat jibqa' hemm, il-poplu Malti u Għawdxi se jkollu dubji serji fuq kemm l-investigazzjoni dwar il-każ Egrant issir b'mod serju.
Dr Busuttil stqarr li ma' kull ġurnata li l-Prim Ministru jagħmel f’Kastilja, qed ikompli jniżżel ‘l isfel isem Malta.
"Elezzjoni mhix awtomatika"
Filwaqt li talab għar-riżenja tal-Prim Ministru, Simon Busuttil qal li jekk issirx elezzjoni mhix xi ħaġa awtomatika, imma dik id-deċiżjoni jeħodha l-Prim Ministru għax huwa għandu l-jedd li jsejjaħ elezzjoni. Il-Kap Nazzjonalista saħaq li tissejjaħ meta tissejjaħ elezzjoni, hu jinsab lest għaliha.
"Għaliex għandu jirriżenja?"
Simon Busuttil elenka ħames raġunijiet għaliex il-Prim Ministru għandu jirriżenja, fosthom li jinsab taħt investigazzjoni, kif ukoll minħabba kunflitt ta’ interess għax hu qed jiġi investigat u fl-istess ħin irid jassigura li ssir l-investigazzjoni. Semma kif anke l-Prim Ministru Iżlandiż irriżenja, minkejja li martu spjegat minn fejn ġew il-flus li kellha fil-kumpanija fil-Panama.
Irrefera għal artiklu tat-Times of Malta, li jgħid li l-Kummissarju aġixxa immedjatament hekk kif il-Prim Ministru sejjaħlu biex jordna inkjesta maġisterjali.  Saħaq li ma jifhimx kif il-Kummissarju tal-Pulizija jieħu l-ordnijiet mingħand il-Prim Ministru b’dan il-mod.
Simon Busuttil staqsa jekk hemmx terms of reference tal-inkjesta u jekk il-Maġistrat hux se jinvestiga, fost l-oħrajn il-kompliċità bejn Kastilja, il-Bank Pilatus u Brian Tonna ta’ Nexia BT.
"Sentenza ta' 18-il sena priġunerija"
Staqsa wkoll x’kien ir-riżultat tal-investigazzjoni ta’ ġimagħtejn mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) dwar ħasil ta’ flus mill-Bank Pilatus. Żied jgħid li wara li saru żewġ rapporti, irriżenja l-eks-Direttur tal-FIAU u l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar.
Simon Busuttil saħaq li l-FIAU tinvestiga każi ta’ ħasil ta’ flus, li huma reati kriminali, u li min iwettaqhom jiskonta sentenza ta’ 18-il sena priġunerija.
Meta mistoqsi dwar jekk il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għandhiex tmur għand il-Maġistrat jekk tiġi mitluba, Simon Busuttil tenna li għandha tmur. 
"Għadu ma ġabx prova waħda" –  PL
B'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li minkejja ħafna dikjarazzjonijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu s'issa ma ġabx prova waħda. Żied jgħid li provi ma jistax iġib, għax dawn ma jeżistux.  Il-PL qal ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed f'paniku għax seħbitu ppubblikat traskritt ta' suppost dokument li hu ffabrikat. 
Il-PM ma jweġibx jekk Keith Schembri għandux kont fil-Bank Pilatus 
Sadanittant waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ekonomija, il-Prim Ministru ma weġibx jekk iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandux kont fil-Bank Pilatus u lanqas jekk rax ir-rapport tal-FIAU) dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.
Saħaq li ma jindaħalx lill-istituzzjonijiet indipendenti f'xogħolhom.
Dr Muscat qal li ilu min-nhar il-Ħamis “taħt kalunja”, wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat, hija sidt Egrant, it-tielet kumpanija fil-Panama.
Saħaq li mhu se jħalli lil ħadd jagħmel ħsara la lil Malta u lanqas lilu u lil familtu.
"Jien mhux investigat, tlabt investigazzjoni"
Intant meta l-Ministru għall-Ekonomija Edward Scicluna kien mistoqsi, x’jaħseb dwar ħidmet il-Prim Ministru waqt li jinsab taħt investigazzjoni, il-Prim Ministru intervjena u qal li hu mhux jiġi investigat, iżda kien huwa stess li talab li ssir investigazzjoni dwar allegazzjonijiet, deskritti minnu bħala serji.
“Il-Parlament se jiskrutinizza ċ­-chairpersons maħtura mill-Gvern
Il-Prim Ministru qal li fi żmien li ġej il-Parlament se jiskrutinizza ċ-chairpersons u l-ambaxxaturi li ħatar il-Gvern.
Spjega li se jkun hemm kumitat parlamentari li se jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern. 
“Żminijiet diffiċli” – MUBE
Sadanittant, komplew joħorġu aktar stqarrijiet ta' tħassib minn unjins u istituzzjonijiet.
Il-Malta Union of Banking Employees (MUBE) saħqet li l-politika partiġġjana trid titwarrab sabiex jitħalla jsir il-proċess demokratiku f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
L-MUBE appellat lill-istituzzjonijiet bankarji sabiex jagħmlu xogħolhom b’intergrità, b’konsistenza u b’effiċjenza.
Qalet li temmen li kull nuqqas jipperikola l-kredibilità ta’ Malta u jpoġġiha f’riskju.
“Instabbiltà minħabba l-istituzzjonijiet” – IFSP
L-Institute of Financial Services Practitioners (IFSP) qal li qed tinħoloq instabbiltà għal mod kif l-aħħar allegazzjonijiet ġew affaċċjati mill-istituzzjonijiet.
Fi stqarrija, l-IFSP saħaq li għall-ġid u għar-reputazzjoni ta’ Malta, l-istituzzjonijiet għandhom jonoraw ir-responsabbiltajiet legali u jieħdu azzjoni f’waqtha.
L-Istitut esprima t-tħassib tiegħu bl-aħħar żviluppi f’Malta, minħabba l-impatt li se jkun hemm fuq l-investiment barrani.