“F’Għawdex żdied il-qagħad, tnaqqas il-valur miżjud u naqset il-paga minima” – Chris Said

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-ekonomija Għawdxija marret lura taħt il-gvern preżenti meta mqabbla ma’ dik Maltija. Sostna li statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi żieda fil-qgħad, tnaqqis fil-valur miżjud u tnaqqis fil-paga medja f’Għawdex, fost l-oħrajn.
Huwa kien qed jitkellem waqt l-aġġornament tas-seduta ta’ llejla.
Huwa qal li minkejja l-ftaħir tal-Gvern dwar it-tnaqqis tal-qgħad f’Għawdex, joħroġ li meta wieħed jgħodd lil dawk li qed jirreġistraw flimkien ma’ dawk li ġew ingaġġati mal-iskema kontroversjali tal-Community Work Scheme, l-għadd ta’ nies bla impjieg effettivament huwa ogħla mill-għadd ta’ nies jirreġistraw fl-eqqel tal-krizi ekonomika u finanzjarja (2009-2012).
Dr Said qal ukoll li indikaturi ekonomiċi juru li d-differenza fl-ekonomija bejn Malta u Għawdex żdiedet hekk kif il-Gross Value Added per capita niżel għal 57% fl-2015 meta mqabbel mas-60% fl-2010. Qal ukoll li waqt li l-paga medja f' Għawdex żdiedet 2010 u 2013 b' madwar 3.5% fis-sena, ix-xejra naqset b’€223 jew 2% bejn l-2014 u 2015. Barra minn hekk, l-għadd ta’ ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Malta żdied b’600 ħaddiem f’din il-leġislatura, minn 16% għal 18%.
Huwa qal li dan ir-rigress ekonomiku huwa fost l-oħrajn frott il-fatt li l-proġetti imwiegħda mill-Gvern baqgħu ma sarux. Semma fost l-oħrajn il-fast ferry service li se jkun qed isir fl-2018, il-konnessjoni bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer, casino, yacht marina, il-cruise liner terminal, bini ta' Qorti ġdid, dar tal-anzjani, mużew tal-arti, IT Hub fix-Xewkija, skola primarja ġdida fir-Rabat breakwater ta’ Marsalforn, fibre optic cable, park tal-familja fix-Xagħra, u proġett ta’ ilma riċiklat għal bdiewa. Qal li l-uniku żewġ proġetti li se jkunu saru huma taraġ li ġie jiswa €3 miljuni mill-Bus Terminus għal Pjazza San Franġisk kif ukoll pool li issa ħareġ jinkludi l-għoti ta’ art pubblika lill-kuntrattur privat u li se jinkludi proġett ta’ ‘housing kummerċjali’ taħt kuntratt li l-Gvern ma jridx jippubblika.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Qal li dawn kellhom ilestu x-xogħol fuq l-iskola ta’ Barts sa Settembru li għadda, liema xogħol ilu wieqaf għal xhur.