F’Għawdex jingħataw premijiet għall-ħaddiema fit-turiżmu

F’Għawdex, għat-tmien sena, ingħataw l-unuri għall-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu.
Andrew Saliba, li hu kok għar-ristorant Kozmo, ingħata l-unur għall-Ħaddiema tas-Sena għall-qasam turistiku.
Frederick Spiteri, head waiter mar-ristorant Ta’ Frenċ, ingħata l-unur bħala l-aħjar ħaddiem żagħżugħ u Joseph Portelli, sid u maniġer tal-lukandi żgħar Quaint, ingħata l-unur għall-aħjar intrapriża turistika.
Dawn huma premijiet mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) wara evalwazzjoni minn panel magħmul minn nutar u żewġ persuni oħra.
Ingħata wkoll il-premju Lifetime Gozo Tourism Achievement Award, lil Brian Mizzi ta’ Gozo Farmhouses Ltd, għall-investiment f’Għawdex u l-ħolqien tax-xogħol fl-aħħar 40 sena.
Il-Ministri Edward Zammit Lewis u Anton Refalo rreferew għall-andament turistiku matul l-2015 u t-titjib li Għawdex ra – ta’ 7.7% sa Novembru għall-viżitaturi barranin u ta’ 4.6% għall-vetturi li qasmu lejn Għawdex sa Settembru.
Spjegaw ukoll li 50% tal-ġid li jinħoloq f’Għawdex ġej mit-turiżmu, u ħaddiem minn kull 5 jaħdem fis-settur.
Ritratt: MGOZ – George Scerri