F’Gaża ma jridux iħallsu aktar għad-dawl tal-Iżraeljani

L-awtoritajiet Palestinjani mhumiex se jħallsu aktar għad-dawl li l-Iżrael tipprovdilhom f’Gaża, hekk kif il-Bank Dinji wissa li mistenni jkun hemm qtuigħ ta’ dawl f’din l-istrixxa fil-jiem li ġejjin.
Din id-deċiżjoni tista’ tfisser xejn dawl, ilma u servizzi tas-saħħa lil aktar minn żewġ miljun Palestinjan li jgħixu f’Gaża, li hi mmexxija mill-grupp tal-Ħamas tal-Palestina.
Fergħa mill-armata tal-Iżrael, bl-isem ta’ COGAT, qalet li ġiet infurmata l-Ħamis mill-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, li l-ħlas għad-dawl se jieqaf immedjatament.
Mahmoud Abbas huwa l-mexxej tal-partit tal-Fataħ fl-istrixxa ta’ Gaża, okkupata mill-Iżrael. Il-Ħamas huwa l-grupp Palestinjan rivali tal-Fataħ.
B’hekk, dil-mossa mill-mexxej tal-Fataħ ma niżlitx tajjeb mal-grupp tal-Ħamas, li għandu f’idejh l-Istrixxa ta’ Gaża.
Il-midja internazzjonali qed tgħid li b’din it-tattika Abbas qed jipprova jitfa’ pressjoni finanzjarja fuq il-Ħamas sabiex iċċedi t-territorju lill-Fataħ, liema territorju l-Ħamas ħadu f’idejhom wara gwerra qasira fl-2007.
Sadanittabt, kelliem għall-Ħamas qal li dak li għamel Abbas huwa illoġiku, għax ma jagħmilx sens li titfa’ żewġ miljun persuna bla dawl, ilma u servizzi tas-saħħa dan kollu għal kwistjonijiet politiċi.