F’Diċembru jonqos il-qgħad bi kwart

In-numru ta’ persuni li jirreġistraw għax-xogħol f'Diċembru li għadda kien 2,167, 25% inqas meta mqabbel ma' Diċembru tas-sena ta’ qabel.
L-NSO kkwota figuri li juru li kien hemm tnaqqis ta' 702 persuna li rreġistraw taħt it-Taqsima I u tnaqqis ta' 43 fost dawk li jirreġistraw taħt it-Taqsima II tar-reġistru tal-qgħad.
It-tnaqqis kien fil-gruppi tal-etajiet kollha. Il-Gvern qal li ġie rreġistrat tnaqqis qawwi fil-qgħad fost iż-żgħażagħ. Qal li miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ qed jgħinu biex inaqqsu din il-figura li skont il-Gvern, sa issa naqset in-numru ta’ żgħażagħ jirreġistraw bi kważi 82%.
L-unika żieda ġiet irreġistrata fost in-nisa li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena.
L-akbar tnaqqis fir-reġistranti ġie rreġistrat fost persuni li kienu ilhom jirreġistraw għal inqas minn 21 ġimgħa.