‘F’demokrazija, jekk ma tivvutax tkun qed iċċedi s-sovranità tiegħek’ – Mons Charles Scicluna

L-Isqof Awżiljarju, Mons Charles J Scicluna, ħeġġeġ lill-partiti politiċi biex ikun min ikun fil-gvern, il-poplu jkun moħħu mistrieħ li l-gvern se jkun qaddej tal-poplu kollu.

Huwa fakkar li l-kelma ‘ministru’ tfisser ‘qaddej’, u bħala Knisja il-parir li tagħti lill-kandidati kollha huwa sabiex ikunu ta’ servizz għal kullħadd.

Huwa qal li l-Knisja tħeġġeġ lill-kullħadd biex jeżerċita d-dritt tiegħu tal-vot. Mons Scicluna qal li f’demokrazija, jekk wieħed jiddeċiedi li jastjeni huwa liberu li jagħmel hekk, iżda b’dan il-mod ikun qed iħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għalih.

L-isqof Scicluna qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali.

Monsinjur Scicluna tkellem ukoll fuq l-ambjent, li l-bniedem għandu jħares għax il-ħsara li ssir tkun waħda irreparabbli.

Tkellem ukoll fuq il-familja, fejn qal li ċ-ċellola tas-soċjetà għandha tibqa tistrieħ fuq l-għaqda dejjiema bejn raġel u mara.

Fl-intervent tiegħu, l-Isqof Awżiljarju ffoka wkoll fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u fuq il-ħabsin.

Huwa stieden lill-partiti politiċi biex jindirizzaw il-problema tad-droga, għax hi l-akbar kaġun għalfejn żgħażagħ jispiċċaw jidħlu l-ħabs.