F’April tkompli d-diskussjoni dwar ir-riforma Kostituzzjonali

Fil-25 t’April li ġej, ser jiġi mlaqqa’ it-tielet Forum tal-President tar-Repubblika li ser ikompli jiddiskuti fid-dettal ir-riforma Kostituzzjonali.

L-Ex Speaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Michael Frendo, ser jitkellem dwar ir-riforma parlamentari. Huwa intgħażel għal dan l-indirizz, minħabba li serva bħala Speaker tal-Kamra għal diversi snin fl-aħħar leġiżlatura.

L-Imħallef Emeritu Dr Joseph Said Pullicino ser jitkellem dwar id-dritt li ċ-ċittadin għandu jkollu amministrazzjoni tajba minn entitajiet pubbliċi flimkien mad-dritt ta’ rimedju f’każ ta’ bżonn. Dr Said Pullicino huwa kompetenti f’dan il-qasam minħabba li attwalment għandu l-pożiżżjoni ta’ Ombudsman.

L-Imħallef Emeritu Dr Giovanni Bonello ser jiddiskuti s-Supremazija tal-Kostituzzjoni. Huwa serva bħala Mħallef fil-Qorti Ewropea dwar id-drittijiet Umani mill-1998 –il quddiem.

Id-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi fl-Università ta’ Malta Dr Kevin Aquilina ser jitkellem dwar it-tieni Repubblika ta’ Malta. Dr Aquilina kiteb b’mod estensiv dwar dan is-suġġett.

Dr John C. Grech se jkun il-moderatur waqt din id-diskussjoni u l-ġurnalista Reno Buġeja ser jagħmel il-mistoqsijiet lill-kelliema preżenti fil-Forum. Il-kelliema kollha preparaw abbozz li ser jiġi pubblikat iktar tard din is-sena.